Se jiġu esebiti s-Sett tal-Arazzi tal-Konkatidral ta’ San Ġwann wara proċess estensiv ta’ restawr li dam għaddej 16-il sena fil-Belġju.
Dan is-sett ta’ arazzi, li kienu ġew ikkummissjonati mill-Gran Mastru Ramon y Perellos meta ġie elett fl-1697, kienu ġew esebiti l-aħħar waqt iż-żjara tal-Papa San Ġwanni Pawlu II f’Malta fl-1990.
Is-sett jikkonsisti f’29 biċċa li juru t-Trijonf tal-Knisja Kattolika Rumana, xeni mill-ħajja ta’ Kristu, it-tnax-il appostlu, Ġesu, il-Madonna, u anke ta’ San Pawl.
Il-maġġoranza tal-arazzi kienu bbażati fuq kartun tal-artist famuż Peter Paul Rubens u ntisġu fi Brussell min-nissieġ Judocus De Vos. Id-disinn kumpless tagħhom intiseġ mis-suf u l-ħarir pur, u dan jagħmilhom verament kapolavur tal-arti Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Tonio Mallia, spjega lil One News li l-proċess ta’ restawr kien kumpless u ħa ħafna żmien għax maż-żmien il-kundizzjoni tagħhom marret għall-agħar u kkawża diversi ħsarat. Il-proġett sar minn tim ta’ esperti f’De Wit Royal Manufacturers fil-Belġju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann spjega li, “L-arazzi kienu ntbagħtu kollha lejn il-Belġju. Kienu ntbagħtu ftit ftit, għax kienu fis-stat ħażin ħafna tant li matul iż-żminijiet ġarrbu ħsarat kbar. Wieħed ma jridx jinsa li dawn l-arazzi għandhom mat-320 sena. Dawn kienu jiddendlu, jitniżżlu u anke, matul il-gwerra kienu għaddew minn strapazz qawwi hekk kif is-suldati kienu jorqdu fuqhom.”
L-arazzi ġew imnaddfa u msewwija bir-reqqa, u l-kuluri u d-disinji oriġinali ġew restawrati għall-glorja ta’ qabel.
Il-proċess ta’ restawr kien iffinanzjat mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, li hija ddedikata għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali ta’ dan is-sit uniku ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Ian Camilleri, li qed jieħdu ħsieb il-proġett tal-arazzi, spjega ma’ dan l-istazzjon il-bdil li sar fil-mod ta’ kif jitellgħu l-arazzi.
Is-Sur Camilleri spjega li qabel, “Kienu jiġu mdendlin bħalma jiġi mdendel id-damask, fejn għandek ganċ fuq naħa u l-annella fuq naħa oħra. Illum il-ġurnata dan il-proċess inbidel kollu, għax l-arazzi qed jitwaħħlu b’sistema ta’ velcro.”
L-arazzi, li se jkunu mdendlin fin-Nava Prinċipali tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, se jkunu għall-wiri bejn il-5 ta’ Mejju u l-24 ta’ Ġunju 2023.
Is-Sur Mallia spjega li din hija opportunità rari għall-viżitaturi biex jaraw dawn l-arazzi mill-isbaħ u japprezzaw is-sbuħija storika u s-sinifikat reliġjuż tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann qal li, “L-open day se tkun magħmula minn guided tours, fejn wieħed jiġi spjegat fuq l-arazzi li hawn hawnekk. Aħna l-għan tagħna huwa li noffru esperjenza u mhux jiġi biex iħares biss, ħalli jieħu esperjenza tal-prestiġju tagħhom”.