“Hello hello, bonġu. All right? Dak l-aqwa.”
Realtà ġdida għal dawk kollha li għandhom xi qarib f’xi dar tal-anzjani hija li jitkellmu magħhom permezz ta’ Skype.
Fost dawn hemm Marion Portelli, li qaltilna kif ġimgħa ilu marret iżżur lil zijitha Francesca Debono ta’ 86 sena bħas-soltu f’San Vinċenż de Paule iżda kawża tal-iżviluppi fl-imxija tal-Coronavirus, kienet taf li dik kienet se tkun l-aħħar żjara għal xi żmien.
Mario stqarret: “Kellimtha l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra, filgħodu ħallejtilha l-affarijiet. Għidtilha biex jekk jinqala’ xi ħaġa ma toqgħodx tistennieni. Ħadtilha supplies ta’ pasti, u ikel u ċikulata li tħobb kollox is-soltu, għitilha għandek għal 2 months għax bsartu li se ddum dil-biċċa tax-xogħol u filgħaxija smajna li ma nistgħux immorru iżjed u kienet ippreparata z-zija.”
Spjegat li grazzi għat-teknoloġija, tista sserraħ rasha li xorta qed tkellem u tara lil zijitha.
Hija sostniet: “Għaliha ma taranix imma issa llum ġiet din l-opportunità tal-iskype u ħadt pjaċir li ratni u jiena rajtha. U serraħt iżjed rasi naf li hemmhekk jieħdu ħsiebhom ħafna jiġifieri moħħi kwiet, aħjar minna għax issib kollox lest u qiegħda kuntenta għax ħadt pjaċir li rajtha.”
Marion irringrazzjat lill-ħaddiema kollha ta’ San Vinċenz de Paule, li qed jagħmluha possibbli sabiex ir-residenti jikkomunikaw ma’ qrabathom.
Marion sostniet: “It-tobba t’hemmhekk kif ikollha xi ħaġa mal-ewwel ġejjin minn dejjem jiġifieri għal daqshekk żgur li moħħi kwiet. L-NO u hekk kulħadd jieħu ħsiebha.”
Min-naħa tagħha Marion spjegat li s-sitwazzjoni tal-Coronavirus ġiegħlet lilha u lil żewġha sabiex jibqgħu ġewwa.
Saħqet li qabel ma laqgħet il-crew ta’ ONE News f’darha, kienet ilha ‘l fuq minn ġimgħa ma tirċievi xi mistieden.
Intant qabel tlaqna, Marion sellmet lil zijitha sabiex tħalliha tkompli bil-ġurnata tagħha.
Marion qatilha: “Sar il-ħin biex nitilqu ta, ċaw. Inħobbok u ħu ħsieb ta u obdihom ħalli jgħaddilek.”