L-ajru jinsab vojt għajr l-isħab li għatta l-gżejjer Maltin.
L-unika ħoss mad-dawra tal-mitjar fil-Gudja kien ir-riħ ivenven.
Is-Sibt filgħodu x-xena fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta kienet totalment differenti minn dik li mdorrijin naraw.
L-ajruplani, fosthom dawk tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta kienu biswit xulxin.
Is-soltu ma jieqfux minn vjaġġ għall-ieħor iżda llum l-affarijiet kienu differenti.
Anki d-dwal tal-ħwienet kienu mitfija.
Ħafna mill-ħwienet kienu magħluqin għajr għall-ispiżerija li baqgħet toffri servizz.
L-uniċi persuni fil-binja kienu uħud mill-ħaddiema li jaħdmu fl-ajruport.
Sbieħ is-Sibt iddaħħlet fis-seħħ is-sospensjoni tat-titjiriet kollha lejn Malta ħlief għal dawk meħtieġa, fosthom il-ġarr tal-merkanzija bħall-mediċina.
Din il-miżura hija fost il-ħafna li ttieħdu kontra t-tixrid tal-coronavirus.
Fil-fatt l-aħħar titjira li waslet bil-passiġġieri kienet dik ftit wara n-nofs siegħa ta’ bil-lejl mill-ajruport ta’ Heathrow, f’Londra.
Minn dak il-ħin lil hemm, qajla se naraw ajruplan jinqata’ mill-art, almenu għalissa.
It-tama hi li b’din il-miżura drastika jonqsu l-każijiet ta’ coronavirus impurtati u pajjiżna jkompli jikkontrolla l-imxija ta’ dan il-virus li laqat lid-dinja kollha.