Fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern iddeċieda li l-iskejjel, childcare centres u l-istituzzjonijiet edukattivi bħall-Università għandhom jibqgħu magħluqin sa wara l-btajjel tal-Għid.
Din id-deċiżjoni ittieħdet wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern għalaq fost l-oħrajn l-iskejjel għal ġimgħa bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-coronavirus f’pajjiżna.
Il-Gvern qal li eqreb lejn id-data tas-17 ta’ April jgħid il-pass li jmiss wara konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Fl-istess waqt il-Bord tal-eżamijiet tal-matrikola qal li l-eżamijiet bil-kitba se jibdew fit-23 ta’ April skont kif skedat.
Madanakollu, il-Bord żied li se jkompli jsegwi s-sitwazzjoni tal-Coronavirus mill-qrib u jikkomunika mal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni biex jekk jinbidlu l-affarijiet, joħroġ aktar informazzjoni.
Il-bord tal-MATSEC ħabbar li se jissospendi parti mill-assessjar ta’ taqsimiet ta’ suġġetti vokazzjoni tal-Olevels.
Dan apparti li aktar qabel kien tħabbar li l-eżamijiet orali tneħħew.
Intant fi stqarrija, l-Kummissarju għall-edukazzjoni appella lill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal sabiex ma jibgħatux lit-tfal lezzjonijiet tal-privat.
L-imxija tal-coronavirus wasslet ukoll biex il-kumpanija Gozo Channel tagħmel tibdil fl-iskeda tagħha b’effett minn nhar it-Tnejn li ġej.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li din id-deċiżjoni ittieħdet minħabba s-sitwazzjoni preżenti, filwaqt li fakkar fl-iscreening ta’ kull passiġġier qabel jirkeb il-vapur u appella għar-responsabbiltà mill-pubbliku.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija MaltaPost qalet li għalkemm r-riskju huwa baxx ħafna li tieħu l-virus minn fuq pakkett li ġie kkontaminat minħabba l- kundizzjonijiet u temperaturi differenti xorta qed tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Qalet li l-pustier mhux se jibqa’ jitlob firma meta jqassam pakketti fid-djar.
Intant il-coronavirus kellu effett ukoll fuq il-logħob, bil-kumpanija Maltco issospendiet l-logħob kollu wara li għalqu l-istabbilimenti tal-logħob.