Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun jinsab lest għall-maratona annwali ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Laburista.
Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista William Lewis qal li l-maratona se tibda fl-4:00 ta’ waranofsinhar u se tinkludi bosta attivitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
Lewis żied jgħid li din is-sena, dan l-avveniment li għandu l-għan li jkun ta’ sostenn għall-ħidma siewja li jwettaq il-Partit Laburista, se jieħu xejra differenti mis-snin preċedenti. Huwa spjega: “Bħal kull sena għandna maratona ġbir ta’ fondi. Din is-sena qiegħda ssir f’ambitu differenti. Ambitu fejn għandna elezzjoni ta’ mexxej. Ilbieraħ ingħalqu n-nomini u għada għandna anke slot fejn se jkunu qegħdin jiġu intervistati ż-żewġ kontestanti għall-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.”
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex matul il-maratona jżur iċ-ċentru Nazzjonali Laburista biex jagħti d-donazzjoni tiegħu waqt li jsegwi l-ispettaklu li jkun għaddej. Huwa fakkar ukoll fil-ħidma li se trid issir biex matul is-sena d-dieħla jitfakkar l-ewwel ċentinarju tal-Partit Laburista.
“Il-Partit Laburista biex jopera għandu bżonn ammont tat fondi biex jagħmel id-day to day running tiegħu. Apparti minn hekk is-sena d-dieħla għandna anniversarju importanti/ Il-PL se jagħlaq 100 sena mit-twaqqif tiegħu u b’hekk se jkollna numru ta’ attivitajiet li se norganizzaw”, tenna William Lewis.
Il-maratona se tixxandar fuq l-istazzjon ONE fejn mill-kumdità ta’ darhom it-telespettaturi jistgħu jsegwu din l-attività waqt li jagħtu l-għajnuna tagħhom.