Il-festa tal-Indipendenza din is-sena, għal ħafna uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fissret preparamenti biex ftit tas-sigħat oħra, isellmu għall-aħħar darba lil wieħed minn tagħhom. Minkejja li l-ebda kliem jew azzjoni, ma jistgħu jfarrġu lil dawk li ġarrbu t-telfa ta’ Joseph Zammit mill-qrib, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li għal tant snin ħadmu miegħu, qed iħejju biex jagħtuh ċerimonja mill-isbaħ li ħa tkun qed issir għall-ewwel darba f’pajjiżna, li tagħtih tislima mistħoqqa.
Fl-isfond ta’ bnadar jittajru mezz’asta, f’jum ta’ festa pubblika, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’pajjiżna kienu qed iħejju biex il-Ġimgħa waranofsinhar, jagħtu l-aħħar tislima lill-kollega maħbub tagħhom, Joseph Zammit, li ħalla din id-dinja l-Ħadd li għadda.
Il-funeral se jsir il-Ġimgħa fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, f’ċerimonja uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li se tkun qed issir għall-ewel darba f’pajjiżna.
Fil-fatt, anki bi qbil mal-familja, Zammit se jindifen fil-qabar tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u ċ-ċerimonja sħiħa se tkun immexxija mill-uffiċjali tal-istess Dipartiment.
Fl-istazzjon tat-taqsima marittima tal-Protezzjoni Ċivili, iċ-Chief Fire Officer, Michel Galea spjegalna kif ċerimonji bħal dawn, anki jekk ma huma xejn sbieħ, jirrikjedu ħafna tħejjijiet.
Stqarr, “It-training li jrid isir huwa vast. Huwa drill speċifiku, fil-fatt isir silent drill, slow drill. Huwa mħejji fuq numri. Forsi waqt it-training, inti smajtna ngħidu n-numri u nitkellmu, imma dak inkunu qed nippreparaw lil moħħna fuq il-movimenti li jmiss u n-numri li ddaħħal ġo rasek għax inti bin-numri.”
F’diversi stazzjonijiet tat-tifi tan-nar, segwejna l-aħħar preparamenti ftit sigħat qabel iċ-ċerimonja tal-Ġimgħa, fosthom il-ħasil u t-tindif tal-vetturi li se jintużaw – bħat-turntable ladder, u t-taħriġ marbut mal-parata.
Qal, “Jirrikjedi ħafna ħin u dedikazzjoni. Il-bearers huma mhux biss kollegi tiegħu, imma kollegi intimi tiegħu, u dawk li jew kienu Pulizija jservu miegħu, jew kollegi antiki li dejjem servew, allura inti peress li ma jkollokx in-nies speċifiċi tad-drill, trid tagħmel iktar training fuq dawn in-nies għax ma jkunux tas-soltu, imma kollox sejjer tajjeb u nisperaw li kollox imur tajjeb.”
Iċ-Chief Fire Officer għandu ħbiberija li tmur lura s-snin ma’ Joseph Zammit, u jemmen li din iċ-ċerimonja se tirrifletti l-ħajja sabiħa mimlija mħabba li għex, li ntemmet kmieni wisq.
Temm jgħid,“Naħseb din hija the ultimate gift li nistgħu nagħtuh allura iktar ma nagħmluha preċiża, aktar nonoraw il-ħajja dinjituża tiegħu.”