Tul tmiem din il-ġimgħa, il-Knisja Kattolika f’Malta mhux biss se tiċċelebra l-festa ta’ Corpus, iżda se tkun ukoll qed timmarka ukoll il-ftuħ mill-ġdid tal-knejjes għal parruċċani, għal quddies ta’ kuljum.
Lejlet li l-knejjes jerġgħu jiftħu, żorna waħda mill-knejjes sbieħ li għanda f’pajjiżna, dik ta’Sant’Andrija f’Ħal Luqa.
Hemm hekk sibna lill-Kappillan Dun Michael Zammit flimkien mas-sagristan iħejju biex wara tliet xhur magħluqa, jerġgħu jibdew jilqgħu n-nies.
“Il-festa ta’ Corpus, propju l-Isqof tagħna u l-isqfijiet tagħna ħassew il-bżonn li jiftħu l-Knejjes, propju fil-jum ta’ Corpus. Hekk kif il-poplu kien nieqes mil-Ewkaristija issa minn nhar il-Ħadd, il-festa tal-Ewkaristija se jerġa’ jirċievi l-ewkaristija għal-ewwel darba wara tliet xhur,” qal il-Kappillan.
Is-Sagristan Andrew Coleiro spjega kif il-preparamenti bdew minn kmieni dan ix-xahar hekk kif għal jiem li ġejjin issa se ikollu iktar xogħol.
“Is-siġġijiet, neħħejna l-bankijiet, nippreparaw mal-Kappilan is-siġġijiet u nkejlu kif għandhom jiġu, biex ma joqgħodux hdejn xulxin,” spjega s-Sur Coleiro.
Dun Michael Zammit, saħaq li għalkemm il-Knisja ddedikata lil Sant’Andrija hija kbira, l-ammont li tista tilqa’ fiha huwa ta’ disgħin persuna. Għalhekk huwa ħareġ bl-inizjattiva biex tibda issir quddies ġewwa l-bitħa ta’ ċentru parrokjali ġewwa Ħal Luqa biex b’hekk ħamsa u sebgħin persuna oħra għandhom iċ-ċans li jiċċelebraw is-sagrament tal-Ewkaristija.
Huwa spjega kif il-qari se jinqara minn persuna waħda u fl-għoti tal-paċi mhux se jkun hemm bżonn kuntatt jew li tieħu b’idejn in-nies. Qal ukoll li l-proċess ta’ tqarbin se jkun differenti min dak tas-soltu.
“It-tqarbin se jkun differenti. It-tqarbin ħa jkun li l-ġisem ta’ Kristu u l-Amen , mhux se ngħiduhom kull darba. Ħa jgħidha darba saċerdot fuq l-artal, iwieġeb kulħadd amen, imbagħad is-saċerdot liebes il-visor jinżel iqarben il-poplu billi jagħtihom is-sagrament u ma jgħid xejn. Dak il-ħin ovvjament jgħolli jew ineħħu l-maskra u jirċievu sagrament,” stqarr Dun Zammit.
Il-Kappillan Zammit saħaq li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Corpus Domini ta’ din is-sena se jkunu differenti ukoll hekk kif għal din is-sena il-parruċani Luqin mhumiex mitluba li jimxu wara is-sagrament.
“Il-purċissjoni ta’ Corpus li se tkun differenti min ta’ soltu. Ħa issir purċissjoni li se tgħaddi rota iqsar u ħa jkunu qed iduru sagrament f’din ir-rota ma’ erba’ fratelli. In-nies huma mħeġġa li jippartiċipaw billi mhux jimxu wara sagrament imma joħorġu fil-bieb ta dar, fit-tieqa jew fil-gallerija u isellmu l-Ewkaristija huwa u jgħaddi minn quddiem id-dar tagħhom,” qal il-Kappillan Zammit.
Intant fuq knisja.mt wieħed jista isib dettalji ta’ fejn se jkun qed isir il-quddies filwaqt li tista’ ssib informazzjoni dwar il-ħinijiet.