Dawk id-dilettanti tal-festi li jbiegħu kollox biex imqar jisimgħu marċ issa jidher li se jikkuntentaw ruħhom wara nhar il-Ġimgħa se jkollhom għażla ta’ postijiet fejn imorru jsegwu l-marċ tal-aħħar tridu.
Dan wara li kien awtorizzat li jsiru festi esterni u numru ta’ soċjetajiet mużikali fosthom is-Soċjetà Filarmonika Pinto, Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi għaddejja bil-preparamenti għall-marċ tal-Ġimgħa.
Dan il-marċ dejjem ikun wieħed kolossali u brijuż f’Ħal Qormi u għalkemm din is-sena se jkun marċ differenti xorta se jsir sforz biex il-kulur aħdar tal-festa jispikka barra l-każin.
Dan l-istazzjon żar l-każin fejn numru ta’ żgħażagħ kienu qed iħejju l-bżieżaq għal festa.
Is-Segretarju tal-Każin tal-banda, Marco Cardona tkellem dwar kif il-permess li jsiru marċi u festi ta’ barra kienet sorpriża sabiħa.
Għalkemm ix-xogħol kellu jsir fi ftit jiem, il-Qriema meddew idejhom u anki bdew jarmaw il-pavaljuni fit-triq prinċipali ta’ quddiem il-każin biex fil-jum tal-Ġimgħa l-banda ddoqq f’atmosfera brijuża.
Huwa spjega: “Ovvjament kienet aħbar sabiħa għalihom illi jistgħu jiċċelebraw u joħorġu fit-triq, jiltaqgħu flimkien taf kif, għaliex il-festa ħafna drabi hija l-okkażjoni fejn tiltaqa anke ma nies li tkun ilek ma tarhom. Anke familjari għallura l-fatt li ħa jkolna dan iċ-ċans niltaqgħu flimkien kienet ta’ aħbar sabiħa għal kulħadd.”
Fil-marċ tal-Ġimgħa se titla’ wkoll l-istatwa ta’ San Bastjan fuq pedestal, bħal mas-soltu jsir. Bla dubju dan il-qaddis hu marbut mal-ħelsien mill-mard u l-epidemiji.
Is-Sur Cardona sostna: “Xtaqna għallura li l-festa natuha timbru ta’ ringrazzjament illi fil-verità ir-raħal tagħna u ħafna rħula oħra ma ntlaqatniex b’mod kiefer mil-COVID u l-festa hija ukoll mument ta’ ringrazzjament illi għaddejna minn din il-pandemija b’wiċċ il-ġid.”
U filwaqt li ħallejna lil Qriema jkomplu jħejju għall-festa li tilħaq il-qofol bil-pellegrinaġġ bl-istatwa artistika ta’ San Bastjan li toħroġ mill-Knisja, il-Ħadd filgħaxija, se jsir ukoll marċ kbir ieħor fiż-Żurrieq mill-banda Queen Victoria taż-Żurrieq.
Dan filwaqt li fil-ġimgħat ta’ wara se jsir ukoll il-marċ f’Raħal Ġdid tal-Banda Kristu Re fost oħrajn.