Kuntratt storiku li bħalissa jinsab għall-wirja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, jixħet dawl ġdid dwar it-twaqqif tal-Partit Laburista, partikolarment dwar l-isem oriġinali tal-Partit u anki li fit-twaqqif tiegħu kien hnmm is-sehem ta’ mara, Carmela Bencini.
ONE News tkellem mar-riċerkatriċi mill-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili Joan Abela, li spjegat li l-istoriċi kienu jfittxu għall-kuntratt fil-jum li kien maħsub li twaqqaf il-partit, jiġifieri l-15 ta’ Ottubru tal-1920, iżda dan ma nstab qatt.
Spjegat li waqt din ir-riċerka nstab dokument li kellu d-data tat-12 ta’ Ottubru tal-1920.
“Fit-12 ta’ Ottubru tal-1920 insibu li sar kuntratt bejn Lorenzo Cassar li kien qed jislef il-flus lil Carmela Bencini, lil Borg u lil Schembri u propju nsibu li dawn il-flus isselfu biex jitwaqqaf il-Partito Laburista.”
Minn din ir-riċerka ħareġ li dan il-kuntratt sar fid-dar ta’ Carmela Bencini, li kienet toqgħod il-Belt Valletta. Dan l-isem kien ġdid għall-istorja tal-Partit u saret iżjed riċerka dwar din il-persuna, li kienet waħda mill-fundaturi tal-Partit Laburista.
Ir-riċerkatriċi spjegat li mal-ewwel kien hemm il-ħsieb li jkun hemm gazzetta ta’ dan il-partit ġdid.
“Fl-oriġinali nsibu li l-fundaturi, oriġinaljament kellhom f’moħħhom li dawn il-flus jiġu mselfa biex tinxtara maġna ħalli jkun jista’ jiġi pprintjat il-gazzetta tal-Partit. Kien hemm 19-il kelma li nqagħtet u minflok dawn tniżżlet li dawn il-flus ħa jintużaw propju biex jitwaqqaf il-Partit Laburista.”
Tkellimna wkoll mar-riċerkatur Michael Buhagiar, li kien hu li sab dan id-dokument storiku.
“Meta ttamajt li nsibu bdejt infittex f’dan il-volum ħdejna hawnhekk, biċċa biċċa, beda jdur xhur xhur minħabba li ma kienx hemm indiċi. Hawnhekk huwa sab li l-Partit Laburista ma twaqqafx fil-15 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena msemmija, iżda tlett ijiem qabel, fit-12 ta’ Ottubru tal-1920. Huwa tenn jgħid magħna li dan id-dokument huwa importanti fl-istorja politika ta’ pajjiżna.”
Ir-riċerkatur u awtur ta’ ktieb fuq l-istorja tal-Partit Laburista, Mario Cutajar spjega s-sinifikat ta’ din il-wirja.
“Is-sejba ta’ dan il-kuntratt huwa diġa kbira għax diġa li jixiqilha jkollha wirja għaliha. Madankollu s-sejbiet li kien fiha l-isem tal-partit, il-mara li ma ssemmiet qatt, kien hemm il-ħtieġa allura li nqegħdu l-kuntest ta’ dan il-kuntratt u l-kuntest taċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien li twaqqaf.”
Din il-wirja storika dwar il-Partit Laburista bl-isem ta’ “Kapitlu Ġdid” fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista nfetħet il-Ġimgħa filgħaxija mill-Prim Ministru Robert Abela.
Din il-wirja se tkun il-qofol tal-open day li se ssir il-Ħadd mill-10 ta’ filgħodu ’l quddiem fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, fejn se jkun hemm ukoll il-Prim Ministru u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.