Kumpanija lokali li tispeċjalizza fil-qasam tat-3D printing ngħatat għajnuna finazjarja u loġistika mill-Gvern sabiex mil-lejl għal nhar tkabbar il-produzzjoni ta’ visors protettivi bi tliet darbiet.
Dawn il-visors qed jitqassmu lill-ħaddiema fl-isptar mater dei li huma fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra l-Coronavirus.
David Sciberras mill-kumpanija qal li l-kapaċità massima li setgħu jipprintjaw qabel kienet ta’ madwar 250 visor.
Huwa spjega: “Qabel ma kellna din l-għajnuna f’din l-iskola konna qed nilħqu qisu 250 kuljum ta’ produzzjoni. Issa permezz ta’ din l-injection ta’ sapport nistgħu nilħqu kważi 400 kuljum.”
Permezz ta’ għotja ta’ €10,000, il-kumpanija se tkun tista’ żżid il-produzzjoni.
Mart David, Alexandra Sciberras qalet li hemm ħidma wkoll għal dawk fi spiżeriji.
Hija qaltilna: “Bħala orders u affarijiet hekk iktar mal-ispiżeriji peress li kont naħdem mal-ispiżeriji nkun qed niddealja magħhom. Jiġifieri orders u back end organisation nieħdu ħsieb jien.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal kif dan l-arranġament huwa eżempju ħaj ta’ Gvern li qed jagħmel minn kollox biex jiġġieled it-tixrid tal-Coronavirus, anka permezz ta’ għajnuniet lis-settur privat li jistgħu jikkontribwixxu.
Huwa stqarr: “Mill-ewwel intervjenejna tramité Malta Enterprise li tajna grant ta’ €10,000 lil din il-kumpanija sabiex tkun tista’ tixtri l-materjal u tipproduċi visors sabiex tipproteġi l-ħaddiema f’Mater Dei li qegħdin jaħdmu fuq il-Coronvirus u tipproteġihom mill-mard li jista’ jiġi trażmess. Rajna li nkunu innovattivi f’das-sens u nassistu lill-kumpanija sabiex tipproduċi madwar 600 visor kull ġurnata.”
Barra l-għajnuna finanzjarja, il-koppja Sciberras ngħataw aċċess għall-ħamsa u erbgħin magna ma’ spazju fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar.
Dan hekk kif l-iskejjel bħalissa jinsabu magħluqa
Intant il-Ministru Owen Bonnici sostna: “Ġbarna l-printers 3D li kellna fl-iskejjel ħalli David Sciberras u l-kollaboraturi tiegħu ikunu jistgħu jipproduċu iktar prodotti minn qabel.”