Il-kumpanija Tek-Moulds se tinvesti €600,000 f’makkinarju ġdid wara li kkwalifikat fl-iskema msejħa micro invest li permezz tagħha tikkwalifika għal tnaqqis fit-taxxa fuq l-investiment li se tagħmel biex tkabbar u ttejjeb l-investiment tagħha.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Ekonomija u Intrapriżi żgħar Chris Cardona għamel fil-bini tal-kumpanija f’Bulebel.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Kevin Busuttil qal li l-kumpanija li ilha topera għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena fl-oqsma tal-manifattura u t-tiswija tal-għodda, kibret b’34% fl-aħħar ħames snin u llum qed tħaddem b’20 ruħ.
Is-Sur Busuttil, li ilu 24 sena jaħdem f’dan is-settur qal li b’dan l-investiment, il-kumpanija se żżid il-ħaddiema b’25%:
“Għandna stabilità li ma nqumux għada filgħodu u nsibu kontijiet tad-dawl għoljin u jinbidlu l-ħin kollu. Għandna stabilità li nafu li l-kera tagħna hija stabbli u ma żdiditx, anzi naqset. Għax is-service charge li kellna tneħħiet. Għandna points of reference illum. Illum il-burokrazija meta jkollna bżonn xi ħaġa kemm f’kull dipartiment tal-gvern naqset ħafna. B’referenza għall-Business First. Business First huwa helpful ħafna, jiġifieri hemmhekk għandna xi ħadd li dejjem jiffolowjana. L-istess il-Malta Enterprise, għandna punt ta’ referenza mill-Malta Enterprise. U wkoll fil-Malta Industrial Parks fejn ikollna bżonn affarijiet ta’ manutenzjoni uwekk għandna point ukoll of reference hemmhekk”.
Il-Ministru għall-Intrapriżi ż-żgħar, Chris Cardona qal li l-iskema tkopri wkoll l-ispejjeż ta’ pagi jekk l-operatur iżid il-ħaddiema. Sostna li suċċessi ta’ kumpaniji bħal dawn huma suċċessi għal pajjiż kollu.
“Il-Gvern jibqa’ jagħti s-support tiegħu lil kumpaniji bħal dawn, kumpaniji li jkunu għamlu suċċess permezz tal-inizjattiivi li nagħtu, l-għajnuna li nagħtu, il-business first li ngħatuhom support u point of reference kontinwu. Kif ukoll naraw u nisimgħu mingħandhom. Jiġifieri meta aħna niġu nagħmlu dawn it-tip ta’ visits, naraw x’qed idejjaqhom fl-ambjent ekonomiku, fl-eko sistema u nippruvaw nissuplimentaw dak li jkun qed idejjaq jew inkellu li mhux ikun qiegħed ifixkel l-operat tagħhom b’miżuri konkreti, b’mizuri tanġibbli”.