Kontijiet tad-dawl u l-gass ta’ konsumaturi fir-Renju Unit li għandu f’idejh ONE News juru bl-iswed fuq l-abjad id-differenza sostanzjali fil-kontijiet li jħallsu residenti fir-Renju Unit meta mqabbel mal-kontijiet li qed inħallsu f’Malta, li magħhom – b’differenza mir-Renju Unit – jinkludu wkoll l-ilma.
Fil-fatt, ONE News jista’ juri żewġ kontijiet oriġinali ta’ żewġ familji differenti.
Fl-ewwel kont, li jkopri perjodu ta’ xahar wieħed biss, familja partikolari fir-Renju Unit telgħalha kont tad-dawl ta’ iktar minn £125.91. Dan jammonta għal €140. Intant fl-istess kont, il-konsumatur kellu jħallas aktar minn £240, jew aktar minn €270 għall-gass.
B’hekk, b’kollox, dan il-konsumatur f’xahar wieħed biss kellu kont tad-dawl u l-gass li ammonta għal aktar minn £366. B’kollox dan ifisser €427 għal xahar wieħed biss.
Intant, konsumatur ieħor li għaddielna l-kont tad-dawl u l-gass tiegħu kellu ċifri simili. Il-kont tad-dawl u l-gass tiegħu qabeż il-£186 għal kull wieħed mis-servizzi, għal total ta’ £372, jew €424 f’xahar wieħed biss.
Fuq dawn il-kontijiet il-Gvern Brittaniku ta sussidju ta’ sebgħa u sittin ewro biss. Wieħed ma jridx jinsa li dan is-sussidju fir-Renju Unit se jiġi fi tmiemu fil-ġimgħat li ġejjin. Wieħed ma jridx jinsa lanqas li dawn il-kontijiet ma jinkludux il-ħlas għas-servizz tal-ilma, li jitħallas b’mod separat.
Meta dawn il-kontijiet jitqabblu ma’ kemm qed jonfqu l-konsumaturi f’Malta, wieħed faċli jinnota d-differenza drastika li qed iħallsu l-Maltin għall-kontijiet.
Grazzi għas-sussidji tal-Gvern biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwils u tal-gass stabbli quddiem iż-żidiet internazzjonali kkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fis-sena.
F’ċilindri tal-gass, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw milli jonfqu madwar €90 fis-sena jekk jużaw medja ta’ 6 ċilindri fis-sena.
Dan filwaqt li, jekk jikkunsmaw 15-il unit ta’ dawl kuljum, qed jiffrankaw €717.23 fis-sena.
Fil-fatt, meta wieħed jgħodd is-sussidji fl-2022 u anke dawk fis-seħħ għall-2023, il-Gvern se jkun qed jonfoq aktar minn biljun ewro. Mingħajr din l-allokazzjoni massiċċA, il-kontijiet kienu jisplodu ’l fuq b’aktar minn 140 fil-mija.