B’investiment ta’ aktar minn tliet miljun u nofs ewro, Infrastruttura Malta se tibni mill-ġdid Triq il-Wied u Triq San Pawl fl-inħawi tan-Naxxar. Dawn huma żewġ toroq frekwentati ferm mis-sewwieqa hekk kif jgħaqqdu n-Naxxar ma’ bosta rħula oħra, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, l-Inġinier Frederick Azzopardi.
Is-Sur Azzopardi stqarr: “Kif ikollna dawn il-proġetti li qegħdin fuqhom bħalissa, ta’ żewġ kilometri u nofs għall-valur ta’ aktar minn €3.5 miljun, nista’ ngħid ikollna t-toroq kollha li jwasslu għan-Naxxar lesti. Din hija rotta importanti, in-Naxxar jgħaqqad ħafna rħula u għalina kien kruċjali bħala Infrastruttura Malta.”
Fi Triq San Pawl, li hija twila ftit aktar minn kilometru u twassal għat-Telgħa t’Alla u Ommu jew iċ-ċentru tan-Naxxar, l-aġenzija għaddejja bl-aħħar bini ta’ bankini, kif ukoll żewġ punti ġodda għal min se jivvjaġġa bil-mixi.
Hawnhekk inbidlu wkoll il-konnessjonijiet tal-provvista tal-ilma u telekomunikazzjoni, kif ukoll qed isir xogħol fuq is-sistema ta’ lqugħ tax-xita fit-triq. Dan apparti xogħol fuq il-bankini u pedamenti aktar b’saħħithom fit-triq.
Xogħlijiet simili għaddejjin fin-niżla twila li tgħaqqad in-Naxxar mal-Iklin u eventwalment ma’ Triq Dun Karm f’Birkirkara. Din se tinbena b’disinn ġdid u aktar sigur, u se jkollha żoni mħaddra b’siġar u pjanti ġodda.
L-Inġinier Azzopardi spjega wkoll li f’dan l-proġett, Infrastruttura Malta ħasbet mhux biss f’dawk li jiffrekwentaw din ir-rotta bieżla bil-vetturi.
Huwa sostna: “Pereżempju fi Triq San Pawl, qed nagħmlu bankina li tgħaqqad lin-Naxxar ma’ t’Alla u Ommu fejn hemm il-Victoria Lines. Qed inħarsu lil hinn minn toroq u asfalt, imma qed inħarsu l-konnettività tas-sewwieq u dawk li jużaw it-toroq bil-mixi.”
Għalkemm qed isiru dawn ix-xogħlijiet maġġuri t-toroq għadhom jistgħu jintużaw mis-sewwieqa ta’ kuljum, iżda dawn qed ikunu mħeġġa josservaw sinjali ġodda tat-traffiku fuq il-post.