Viżibbilment skomdi, aktar deputati tal-Oppożizzjoni qed jagħżlu li ma jlissnux kelma dwar dak li qalet il-kollega tagħhom u membru tal-klikka tal-Blue Heroes, Claudette Buttigieg.
One News staqsihom mistoqsija sempliċi: jekk jaqblux ma’ dak li Buttigieg qalet fuq ir-radju tal-Knisja ftit jiem ilu, li ma jiddispjaċiha xejn li fl-2020 tajru lil Adrian Delia mit-tmexxija tal-partit.
Preżentatur – “Jiġifieri jiddispjaċik li għamilt hekk, li kont involuta?”
Claudette Buttigieg – “Le.”
Preżentatur – “Ħallast il-prezz ,imma?”
Claudette Buttigieg – “Hekk hu.”
Preżentatur – “Jiġifieri l-prezz tal-popolarità mhux the ultimate price.”
Claudette Buttigieg – “Dak il-mument ħassejt li għamilt the right thing. Jien ma tantx nieħu deċiżjonijiet ħajti li jiddispjaċini fuqhom.”
Id-deputati li ltqajna magħhom huma u deħlin il-Parlament ilkoll urew biċ-ċar li nfixlu bil-mistoqsija. Tant ħassewhom skomdi li bdew jaraw kif se jdawru s-suġġett biex jimlew il-ħin sakemm jaslu biex jidħlu fil-binja tal-Parlament u jeħilsu mill-mikrofonu ta’ ONE NEWS.
Ġurnalist: Claudette Buttigieg qalet li ma jiddispjaċihiex ta’ li għamlet lil Adrian Delia. Taqbel magħha? … Skomda twieġeb?
Paula Mifsud Bonnici: Happy New Year, l-ewwel nett. Bdejna s-sena, suppost ‘Happy New Year’ tgħidli. Mhux hekk? Tajjeb, prosit.
Id-deputat Ryan Callus ukoll beża’ għal ġildu. Filwaqt li qal li m’għandux diffikultà jwieġeb dwar dak li qalet Buttigieg, xorta waħda għażel li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jweġibx.
Ryan Callus: Jiena miniex se noqgħod nidħol f’dawn il-…
Ġurnalist: Skomdu twieġeb?
Ryan Callus: Lanqas xejn. Jiena ffukat, u naħseb…
Ġurnalist: Kont parti mill-istess klikka. Skomdu twieġeb fuq li qalet fuq Adrian Delia?
Ryan Callus: Ismagħni, jiena m’għandi l-ebda diffikultà nwieġeb imma nippreferi niffoka fuq x’inhu importanti għall-pajjiż.
Ġurnalist: Taqbel ma’ dak li qalet Claudette Buttigieg ilbieraħ?
Bernice Bonello: Il-ġurnata t-tajba.
Ġurnalist: Taqbel magħha?
Mark Anthony Sammut: Aħna nkomplu naħdmu u ffukati naħdmu…
Ġurnalist: Kont parti mill-istess klikka li neħħew lil Delia – taqbel magħha?
Mark Anthony Sammut: Inkomplu naħdmu għall-ġid tal-poplu malti kollu.
Ġurnalist: Skomdu twieġeb?
Grazzi.
Ġurnalist: Onorevoli, Claudette Buttigieg qalet li ma jiddispjaċiha xejn ta’ li għamlet lil Adrian Delia. Taqbel magħha?
Mario de Marco: M’hemmx kummenti fuq dawn l-affarijiet.
Ġurnalist: Kont parti mill-istess klikka. Skomdu twieġeb?
Mario de Marco: Xejn minn dan.
Jiena mhux se nkun qed nikkummenta f’isem ħaddieħor. Jiena nibqa’ ffukat u konċentrat biex, bħala Partit Nazzjonalista, nimxu ’l quddiem.
Din il-qasma fil-grupp parlamentari Nazzjonalista kienet diġà ħarġet evidenti fil-mod kif wieġeb lil One News id-deputat Nazzjonalista Alex Borg – magħruf li huma qrib Adrian Delia – dwar l-istess dikjarazzjoni ta’ Claudette Buttigieg.
“Jien nista’ nitkellem fuqi nnifsi. Ħaddieħor jitkellem hu fuq l-għemil tiegħu.”
L-iskumdità kbira spikkat ukoll aktar kmieni din il-ġimgħa, meta One News staqsa dwarha lill-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, li wkoll huwa qrib Adrian Delia.
Ġurnalist: “Skomdu twieġeb onorevoli?”
David Agius: “Jekk jogħġbok, issa, inti għamiltli d-domanda u jien qed inwieġeb.”
Ġurnalist: “Imma mintix qed tweġibni għad-domanda.”
David Agius: “Issa dak iġġudikah inti.”
Ġurnalist: “Le, mintix tweġibni, mhux niġġudika. Qed tweġibni fuq suġġett kompletament differenti. Għaliex qed tirrikorri taqra minn fuq karta minflok tweġibni?”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Ivan J. Bartolo qal lil One News li kien imsiefer u, għaldaqstant, mhux ċert x’qalet Claudette Buttigieg. Madanakollu, fuq ħaġa waħda jħossu ċert.
Il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista vera magħqud.