Bernard Grech, il-kandidat tal-establishment li kien imbuttat mid-deputati ribelli li sfiduċjaw lil Adrian Delia rebaħ l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ir-riżultat uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali wera li Bernard Grech kiseb 12,663 vot filwaqt li Adrian Delia kiseb 5,622 vot. Kien hemm ukoll 77 vot invalidu.
F’din l-elezzjoni kien hemm ukoll aktar minn 3,220 tesserat li baqgħu d-dar u ma vvutawx f’dan il-proċess li wassal għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ġdid.
Minħabba d-differenza sostanzjali ta’ voti, ftit tal-mumenti wara li beda l-proċess ta’ tqassim tal-voti, deher fiċ-ċar li Grech kien se jġib aktar voti minn Adrian Delia.
Minħabba li Grech mhux membru Parlamentari se jkun d-Deputat Ivan Bartolo li jċedi s-siġġu lill-Kap il-ġdid. Kien Bartolo stess li ħabbar dan il-Ħadd filgħodu.
Fost l-ewwel esponenti li awguraw lil Grech kien hemm l-eks Kap Simon Busuttil li feraħ lil Bernard Grech għar-rebħa tiegħu fuq Adrian Delia.
Id-Deputat Marlene Farrugia segwiet u wkoll ferħet lil Grech għar-rebħa tiegħu.
Bernard Grech iċċelebra l-aħbar tar-rebħa mdawwar minn diversi esponenti tal-kampanja tiegħu fosthom d-Deputati Chris Said u Karol Aquilina. Hawnhekk huwa rringrazzja lil dawn in-nies wara li baqgħu ta’ spalla għalih wara li ħarġet is-saga tat-taxxa u tal-vat.
Grech qal, “Jien nirringrazzjakom minn qalbi li fdajtuni u fl-aktar mument diffiċli meta kien hemm l-istalletti u l-iskieken ma qtajtux qalbkom minni u ma fdajtunix.”
Tul il-proċess tal-għadd tal-voti fl-istamperija u barra kien hemm arja tqila bl-irjus tal-partitarji spiċċaw saħnu.
Fil-fatt Adrian Delia tfaċċa d-Dar Ċentrali biex jindirizza konferenza tal-aħbarijiet u ftit wara t-tluq tiegħu mill-istamperija, qamet kommossjoni, li spiċċaw jintervjenu uffiċjali tas-sigurtà mqabbda mill-Partit Nazzjonalista u anki l-pulizija.
Mat-tluq ta’ Delia spikka ċ-ċapċip ta’ wħud favur Delia li kienu barra d-Dar Ċentrali u oħrajn li huma wara l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li ma ħarrkux idejhom.
Mat-tluq ta’ Adrian Delia mid-Dar Ċentrali, il-ġlieda faqqgħet hekk kif ta’ Busuttil bdew jgħidulhom biex jitilqu ‘l hemm.
Saħansitra kien hemm min spiċċa jiġġieled u joffendi l-pulizija bi kliem faħxi, wara li dawn daħlu wkoll biex jintervjenu.
Ftit wara qamet ukoll kommossjoni oħra, din id-darba hekk kif wasal Bernard Grech fl-istamperija.
L-uffiċjali tas-sigurtà ma ħallewx lil kulħadd jidħol fid-Dar Ċentrali, b’persuni spiċċaw anki qalgħuha fuq wiċċhom u l-bieb prinċipali tal-istamperija, ingħalaq.