Le, mhix borża tad-drapp mimlija ħelu.
Mad-daqqa t’għajn, il-Borża ta’ Ġuda tidher simili ħafna tal-qassata, iżda hi magħmulha minn irkotta ħelwa, u ftit lewż u ċirasa għat-tiżjin.
Din hija tradizzjoni antika li llum hija marbuta primarjament mar-raħal tax-Xagħra, f’Għawdex, u filfatt wieħed isibha wkoll bħala l-Qassata tax-Xagħra.
Crew ta’ ONE News żar il-fabbrika ta’ kumpanija lokali li qed taħdem il-ħelu għas-sodalità ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fejn qalb il-furnati friski li jaqsmulek qalbek, rajna l-proċess awtentiku li bihom isir dan il-ħelu.
Chris Camilleri, Rettur tas-Sodalità Bastjan u li għamel riċerka fuq il-Borża ta’ Ġuda, spjega li kollox beda minn idea biex jinġabru fondi għas-sodalità stess, iżda riedu tradizzjoni kemmxejn differenti għal dan.
Spjegalna li l-Borża ta’ Ġuda kienet tittiekel f’Ħadd il-Palm, meqjusa l-ewwel festa li tibda t-traġitt tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Qal, “Huwa l-ewwel tmiem il-ġimgħa li jibda l-mixja sal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, u kienu jittieklu wkoll anke f’diversi kunventi. Kienu jittieklu fl-ikla ta’ nofsinhar ta’ Ħamis ix-Xirka għaliex hija l-festa tas-Saċerdozju, u mbagħad jibda s-sawm ta’ Ħamis ix-Xirka.”
Għal dan, is-sodalità ssieħbet ma’ kumpanija lokali biex isir ix-xogħol fuq il-ħelu, u dawn jinbiegħu. Is-sodalità diġà qed tieħu l-ordnijiet mill-pubbliku għall-Borża ta’ Ġuda, u s’issa kien hemm rispons sodisfaċenti.
Spjega, “Tkellimna mad-diretturi, u aċċettaw u kkoperaw ħafna magħna. Qed jaħdmulna x-xogħol u qed niġrbu l-ordnijiet tagħhom mill-paġna soċjali tas-Sodalità. Biex kollox ikun sigur se nwassluhom aħna wkoll.”