Il-Bank of Valletta bi pjaċir qed iħabbar it-tnedija ta’ promozzjoni ġdida u eċċitanti li permezz tagħha d-detenturi kollha tal-kards tal-BOV Visa se jkunu biċ-ċans li jirbħu l-vjaġġ tal-ħolm tagħhom.
Il-Bank of Valletta flimkien ma’ Visa, ħejjew lotterija ta’ esperjenza li fiha dawk kollha li għandhom BOV Visa se jkollhom l-opportunità li jirbħu pakkett ta’ vvjaġġar kollox kompriż biex isegwu partita tas-Semi-Finali jew il-partita tal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA li se ssir fir-Russja din is-sena.Il-promozzjoni, li se ddum mit-30 ta’ Marzu sat-28 ta’ April, hija miftuħa għad-detenturi kollha tal-kards tal-BOV Visa li jużaw il-BOV Visa Debit Card u l-BOV Visa Credit Card tagħhom biex jixtru matul dan il-perjodu. Fil-fatt ħlas wieħed biss bil-kards imsemmija, kemm jekk isir lokalment, barra minn Malta jew online se jiggarantixxi sehem fil-lotterija li permezz tagħha żewġ rebbieħa xxurtjati se jivvjaġġaw lejn ir-Russja. Il-pagamenti bla kuntatt bl-użu tal-kards bla kuntatt tal-Visa maħruġa reċentement mill-Bank ukoll se jagħtu ċ-ċans lid-detenturi tal-kards biex b’mod awtomatiku jieħdu sehem fil-lotterija, għalhekk aktar ma jsir xiri bil-kards matul il-perjodu, akbar ikunu l-possibilitajiet tar-rebħ.
Se jkun hemm żewġ pakketti x’jintrebħu għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, wieħed għall-partita tal-Finali u wieħed għal waħda mill-partiti tas-Semi-Finali. Iż-żewġ pakketti jinkludu programm ta’ ħamest ijiem sħaħ għar-rebbieħ u għall-mistieden tiegħu, li fost l-oħrajn jinkludi akkomodazzjoni f’lukanda lussuża, biljetti għall-partita, u aċċess għaż-żona tal-ospitalità ta’ qabel il-partita. “Il-Bank of Valletta se jkun qed jipprovdi wkoll premju fi flus ta’ € 3,000 lil kull wieħed mir-rebbieħa. Il-fondi se jiġu kkreditati fil-kont tal-kard tal-Visa tar-rebbieħa.”, qal Ivo Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Electronic Banking fil-Bank of Valletta.
Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni se jkollhom iwieġbu mistoqsija b’mod korrett biex jingħataw il-premju. Aktar dettalji dwar it-Termini u Kundizzjonijiet ta’ din il-promozzjoni jinsabu fuq il-websajt: www.bov.com.
It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 se tibda fl-14 ta’ Ġunju, bil-partita finali skedata għall-Ħadd, 15 ta’ Lulju f’Moska fir-Russja.