Il-produzzjoni tal-ħalib mir-raħħala lokali matul it-tnax-il xahar li għaddew tal-2024 żdiedet bi tnejn punt ħamsa fil-mija. Dan ġie nnotat minn Isaac Zahra, li hu l-maniġer responsabbli mir-riċerka u l-iżvilupp fil-kumpanija Malta Dairy Products, li tipproduċi l-prodotti tal-Benna.
Lil Zahra intervistajnieh dwar id-domanda għall-prodotti tal-ħalib u kif din tinbidel, mhux l-inqas f’dan iż-żmien ta’ festi.
Qal, “Fix-xitwa, l-ewwelnett, jibda jiżdied il-ħalib, għax il-baqar jibdew jipproduċu iżjed ħalib u l-konsum tal-prodotti tal-ħalib jiżdied b’mod inġenerali. F’liema kategoriji l-aktar li jiżdied, naraw fir-riċetti tradizzjonali fejn bħalissa jkun hawn aktar użu ta’ rkotta u ġbejniet, ngħidu aħna fir-riċetti tal-imgħarfa.”
Din iż-żieda fid-domanda tirrifletti ruħha wkoll fi prodotti, bħall-butir u l-krema, minħabba d-deżerti sinonimi maż-żmien ta’ festi. Minbarra hekk, Zahra qalilna li d-domanda tal-ħalib xxaqleb aktar lejn dak li għandu aktar xaħam minħabba li jtella’ aktar ragħwa għal xi xarba sħuna, mhux l-inqas bħall-cappuccino.
Meta, imbagħad, kien mistoqsi dwar it-tibdiliet fit-togħmiet tal-konsumatur fejn jidħlu l-prodotti tal-ħalib, Zahra nnota l-qagħda partikolari li għandha l-kumpanija.
Stqarr, “Il-vantaġġ li għandna hu li aħna noperaw fuq bażi lokali, nifhmu s-suq lokali u naraw eżatt in-nies xi jridu u kull ħaġa li nagħmlu hawnhekk hu purament biex nikkuntentaw lin-nies hemm barra, jiġifieri nifhmu lin-nies u nsarrfu kemm fi prodotti, kemm f’servizzi u kemm f’avvenimenti, filwaqt li nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex intejbu r-relazzjoni tagħna mal-konsumatur.”
Il-maniġer tal-Malta Dairy Products kompla jisħaq kif din il-kumpanija hi unika fl-Ewropa, għax għandha l-kapaċità li toffri ħalib frisk matul is-sena kollha, b’hekk il-prodott li tissupplixxi hu superjuri għal prodotti oħrajn fis-suq fejn tidħol it-togħma u anke l-valur nutrittiv.
Fost l-isfidi li dan is-suq qiegħed jiffaċċja, primarjament minħabba li l-konsumatur jibdel l-għażliet tiegħu, skont f’liema parti tad-demografija jaqa’, hemm dawk uniċi għall-kategorija taż-żgħażagħ.
Tenna, “Naraw li jagħtu nuqqas ta’ importanza fejn jidħol il-prodott lokali, mhux fejn nidħlu aħna biss, però fis-settur kollu li nemmen li bl-edukazzjoni, speċjalment meta naraw il-fatti kif inhuma nistgħu naslu biex in-nies hemm barra jifhmu għalfejn il-lokal hu l-aħjar u ovvjament nilqgħu għad-domandi tagħhom kif qegħdin nippruvaw nagħmlu bil-prodotti l-ġodda.”