Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar ix-xogħlijiet li saru fl-infrastruttura dan is-sajf, ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa u oħrajn li mistennija jibdew fiż-żmien li ġej.
Dr Borg faħħar lil Transport Malta u lill-kuntratturi tagħha li dan is-sajf ħadmu bla waqfien biex titjieb il-kwalità tat-toroq tagħna, jittaffu l-inkonvenjenti tat-traffiku qabel jibdew l-iskejjel, u jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti għal dawk li jużaw it-toroq. Il-Ministru spjega li l-ħidma li qed issir hi parti mill-pjan li se jitwettaq fis-snin li ġejjin u filwaqt li numru ta’ proġetti jistgħu jitwettqu b’mod immedjat, oħrajn se jitwettqu gradwalment. Dr Ian Borg fiehem ukoll għandna negħlbu sfidi infrastrutturali b’inizjattivi minn aspetti diversi u fuq livelli differenti.
Dr Borg tkellem kemm dwar proġetti kbar bħal dak tal-Kappara u tal-Marsa li se jwasslu għal titjib sostanzjali fil-junctions ewlenin kif ukoll dwar inizjattivi oħra. Fost dawn semma x-xogħol f’Ħal Lija u x-xogħol li mistenni jasal fi tmiemu dalwaqt fil-Gudja. Il-Ministru qal li jinsab kuntent bil-kliem ta’ tifħir li qala’ mingħand iċ-ċittadini dwar ix-xogħol f’Ħal Lija minħabba li l-vjaġġ minn din l-arterja qed jieħu inqas ħin. Ġibed ukoll l-attenzjoni dwar il-bypass lanes li se jinfetħu fil-Gudja viċin l-ajruport u kkonferma li l-Ministeru qed jitkellem ma’ rappreżentanti taċ-ċiklisti sabiex jinstabu soluzzjonijiet possibbli li għandhom itaffu r-riskji.
Dr Borg semma proġetti oħrajn fosthom it-titjib tar-roundabout viċin l-MCAST f’Kordin fejn qed isir xogħol li mistenni jimmodifika l-post fejn jieqfu l-karozzi tal-linja ħalli ma jittellifx it-traffiku, filwaqt li se tiżdied ukoll karreġġjata madwar ir-roundabout biex il-vetturi jgħaddu b’inqas diffikultà. Semma wkoll ix-xogħol li qed jinbeda f’Ħal Qormi fir-roundabout li tagħti għad-daħla ta’ din il-lokalità. Din ir-roundabout tara ammont konsiderevoli ta’ vetturi kbar kuljum fejn waħda minn kull għaxar vetturi tkun karozza tal-linja jew heavy vehicle. Dawn it-tip ta’ vetturi jħallu impatt ta’ żewġ vetturi ta’ daqs normali fuq it-traffiku. Il-Ministru qal li x-xogħol fuq din ir-roundabout għandu jtaffi t-traffiku speċjalment fi Triq Manwel Dimech min-naħat ta’ Ħal Qormi u ta’ Ħaż-Żebbuġ u qal ukoll li din hi biss l-ewwel fażi tax-xogħol ippjanat għal dawn l-akwati. Il-proġett għandu jitwettaq f’erba’ fażijiet biex ikun hemm l-inqas impatt possibbli fuq it-traffiku waqt ix-xogħlijiet.
Dwar ix-xogħol li għaddej fi Triq l-Ingiered fil-Marsa, il-Ministru qal li għalkemm forsi mhux se jkollu effett kbir fuq il-konġestjoni, dan it-tibdil se jnaqqas ir-riskju tal-inċidenti. Meta ġiet diskussa din it-triq ġie deċiż li l-aħjar soluzzjoni kienet li jinbidel kompletament l-arranġament tal-konnessjoni bejn din it-triq u Triq il-Marsa.
Dr Borg tkellem ukoll dwar ħidmiet oħrajn li qed isiru madwar il-pajjiż fosthom it-titjib tal-aċċess għall-iskejjel fi Triq l-Imselliet fl-Imġarr u t-titjib u l-bini mill-ġdid ta’ diversi toroq bħal Triq Bontadini f’Birkirkara, Triq Birkirkara f’Ħ’Attard, it-triq ta’ quddiem id-Domus Romana fir-Rabat u toroq oħrajn f’diversi lokalitajiet.
Il-Ministru ħabbar ukoll proġetti li mistennija jibdew fiż-żmien li ġej. Fost dawn hu skedat li jibda x-xogħol fi Triq il-Mosta fejn se titwessgħa t-triq miċ-ċimiterju sa ħdejn it-Technopark sabiex tiżdied karreġġjata lejn in-naħa ta’ fuq. Se jsir ukoll titjib ta’ Vjal l-Indipendenza fl-istess inħawi. Dr Borg fakkar li ħarġet sejħa għall-offerti għall-proġett tal-Marsa-Ħamrun bypass li se jiswa madwar €5 miljun filwaqt li ħabbar proġett fi Triq Buqana bejn l-Imtarfa u l-Mosta li mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Permezz ta’ dan il-proġett mistennija tonqos il-konġestjoni tat-traffiku filwaqt li jitnaqqas ukoll ir-riskju ta’ inċidenti.
Wieħed mill-periti ta’ Transport Malta, il-Perit John Demicoli, ta aktar dettalji dwar dawn il-proġetti u fiehem il-ħsieb wara dak kollu li hu ppjanat u dak li ġie implimentat f’postijiet bħal Ħal Lija u l-Gudja.
Il-Ministru kkonkluda li filwaqt li għaddejja ħidma estensiva għat-titjib tal-infrastruttura, importanti li dejjem naħdmu biex nedukaw lil dawk li jużaw it-toroq tagħna sabiex b’aktar attenzjoni u rispett fit-triq innaqqsu l-inċidenti. Il-Ministru saħaq dwar l-importanza li nimxu maż-żminijiet u li nikkunsidraw żviluppi teknoloġiċi li jgħinuna aħjar speċjalment fejn jidħol l-infurzar. Il-Ministru qal li l-bieb tiegħu hu miftuħ għal kull min jixtieq jaħdem favur soluzzjonijiet li jħarsu l-interessi ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq iżda fakkar li importanti nagħrfu l-limitazzjonijiet ta’ spazju li għandna f’ħafna mit-toroq tagħna.