Qabel kien ikun jum impenjattiv, fejn id-dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u voluntiera jippreparaw il-vara li jkunu se jerġgħu l-għada. Din ma kinitx ir-realtà din is-sena minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.
F’Ħamis ix-Xirka crew ta’ ONE News żar il-knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, fejn hemm tradizzjoni kbira tal-Ġimgħa Mqaddsa. B’kuntrast kbir mas-snin ta’ qabel, din is-sena sibna biss l-Arċipriet li kien qed iħejji għall-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija.
L-Arċipriet tal-Kolleġġjata tal-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi Mario Mangion spjegalna kif it-tnax-il vara huma ferm għal qalb il-Qriema u dilettanti tal-ġimgħa l-kbira, iżda din is-sena l-vari mhux se joħorġu mill-Knisja.
Huwa spjegalna: “Is-soltu ikun hemm ġenn sabiħ biex ngħid hekk fejn kulħadd qed ilesti l-affarijiet tiegħu biex tkun il-knisja tkun armata kif jixirqilha għat-tlett ijiem qaddisa li ħa ngħixu.”
Din is-sena iżda, il-Kurja tat permess biex il-Knejjes jarmaw il-vari tar-Redentur, il-vara l-Kbira u dik tad-Duluri.
Il-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi għandha statwa unika – dik tal-Aħħar Ċena li ġiet introdotta f’Malta fl-1961 wara li nġiebet minn Bari l-Italja. Din hija xogħol l-Iskulutur Salvatore Bruno.
Dun Mario kompla jgħidilna: “Bħal illum, Ħamis ix-Xirka ħabbarna li se nżiedu vara oħra u allura ikun set ta’ tlettax-il vara. Ħa ninkludu l-vara ta’ Ġesu quddiem is-sinedriju, allura l-Qasis il-Kbir, kajfa li qed jaqta il-kundanna.”