Mis-sena li ġejja, l-immaniġġjar tal-ġbir u ġarr tal-iskart domestiku se jkun l-istess għal Malta u Għawdex kollha.
Ma’ ONE News, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal kif wara tliet snin ta’ konsultazzjoni, b’seħħ mit-2 ta’ Jannar li ġej, il-ġbir u ġarr tal-iskart kollu domestiku ser jibda jsir fuq bażi Reġjonali.
“Tul dawn it-tliet snin ta’ konsultazzjoni rajna x’inhu l-aħjar jiġi immaniġjat l-iskart. Kienet ċara wkoll anke wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea li għandna nmorru għal ġabra reġjonali u dan ifisser allura li flok ikollok kull Kunsill Lokali bil-kuntrattur partikolari tiegħu ħa jkollok is-sitt reġjuni li se jkunu qed jimmaniġjaw sitt tenders differenti għal-lokalitajiet li jappartjenu lilhom.”
Bl-iskeda l-ġdid, nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa irid jinħareġ l-iskart Organiku biss, jiġifieri l-borża bajda, it-Tlieta u s-Sibt tinħareġ il-borża s-sewda bl-iskart imħallat u l-Ħamis wieħed għandu joħroġ il-borża griża jew ħadra bl-iskart riċiklat.
Il-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ se jkun qed isir kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, u t-tielet Ġimgħa tax-xahar.
Mario Fava spjega wkoll x’inhuma l-vantaġġi wara din il-bidla.
“Vantaġġi hemm diversi, anke l-fatt li għandek kuntrattur li qabel kien jiġbor ġabra f’lokalità imbgħad irid imur ibattal u jerġa’ jiġi f’lokalità oħra li forsi tmiss magħha, il-fatt li l-ġabra se tkun fuq bażi reġjonali il-kuntrattur jista jibqa’ għaddejj mil-lokalità għall-oħra speċjalment f’lokalitajiet li huma żgħar. Hemmek hemm prekawzzjonijiet ukoll fit-tender document li t-trakkijiet irid ikollhom miżien, iġifieri kull darba li l-kuntrattur joħroġ mil-lokalità se jiżen il-ġabra li jkun ġabar minn dik il-lokalità u allura dan jgħin biex tnaqqas it-traġġitti tat-trakkijiet mil-lokalitajiet għall-Wasteserv.”
Aktar informazzjoni dwar il-ħin tal-ħruġ u l-ġbir tal-iskart jingħata lir-residenti mill-Kunsilli Lokali u Reġjuni rispettivi.