F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Malta Premier League ġie spjegat il-format il-ġdid tal-Kampjonat Premier f’aktar dettall li ġie finalizzat flimkien mal-UEFA anke wara insistenza dwar rekwiżiti b’rabta mal-kwalifikazzjoni tat-timijiet Maltin għall-kompetizzjonijiet Ewropej.
Iċ-Chairman tal-Malta Premier League Dr Joseph Muscat, ġie spjegat kif il-kampjonat se jkun qed jiġi maqsum f’żewġ rawnds – Dak tax-xitwa u dak tar-rebbiegħa.
Fl-ewwel rawnd it-tnax il-tim jilgħabu darba kontra xulxin sabiex umbagħad l-ewwel sitta u l-aħħar sitta jinqasmu fi gruppi għalihom. Kull tim jilgħab ħames logħbiet kontra l-bqija tat-timijiet f’kull grupp. Fi tmiem dan ir-rawnd tinżamm il-klassifika finali.
Fit-tieni rawnd, il-punti jerġgħu jiġu żero għal kulħadd filwaqt li t-tnax-il tim jilgħabu mill-ġdid kontra xulxin. L-ewwel sitt timijiet u l-aħħar sitta jitpoġġew fi gruppi għalihom u kull tim mill-ġdid jerġa’ jilgħab ħames logħbiet kontra l-bqija tat-timijiet fil-grupp.
Il-klassifika finali tat-tieni rawnd flimkien ma’ dik tal-ewwel rawnd umbagħad tiddetermina l-fażi li jmiss tal-kampjonat sabiex jiġi determinat ir-rebbieħ.
Jekk l-istess tim ikun fil-quċċata taż-żewġ klassifiki taż-żewġ rawnds, dan awtomatikament jiġi dikjarat ir-rebbieħ tal-Kampjonat Malti u jikkwalifika għall-UEFA Champions League. Jekk l-istess tim jikklassifika fit-tieni post fiż-żewġ rawnds dan jikkwalifika għall-UEFA Conference League filwaqt li tintlagħab playoff bejn it-timijiet li kwalifikaw it-tielet fiż-żewġ rawnds biex jiġi determinat it-tielet tim li se jikkwalifika għal din il-kompetizzjoni.
Jekk żewġ timijiet differenti jirbħu ż-żewġ rawnds rispettivi wara li jintemm it-tieni rawnd, tintlagħab finali bejn l-istess żewġ timijiet sabiex jiġi determinat ir-rebbieħ tal-kampjonat . It-tim li jirbaħ jikkwalifika għall-UEFA Champions League u t-tim tellief jikkwalifika għall-UEFA Conference League. F’każ ta’ timijiet differenti li jikkwalifikaw it-tielet fiż-żewġ rawnds, mill-ġdid hawn tintlagħab playoff sabiex jiġi determinat it-tim li se jikkwalifika għall-UEFA Conference League.
F’każ li erba’ timijiet differenti jikkwalifikaw fl-ewwel u t-tieni post fiż-żewġ rawnds differenti, hemmhekk tintlagħab l-hekk imsejħa Final Four. Hawn jintlagħbu żewġ logħbiet ta’ semi finali bejn it-tim li klassifika l-aqwa fuq żewġ rawnds u dak li klassifika r-raba’ l-aħjar, u bejn it-tim li klassifika t-tieni l-aqwa u dak li klassifika t-tielet l-aqwa fuq l-istess żewġ rawnds. Ir-rebbieħa ta’ dawn iż-żewġ semi-finali jilgħabu finali bejniethom sabiex jiġi determinat ir-rebbieħ.
B’rabta ma’ relegazzjoni, f’każ li l-istess żewġ timijiet fiż-żewġ rawnds differenti jikkwalifikaw fil-ħdax u t-tnax il-post, dawn jiġu relegati awtomatikament.
F’każ li tim jikkwalifika darbtejn fil-ħdax jew it-tnax il-post fiż-żewġ rawnds u żewġ timijiet oħrajn jikkwalifikaw darba f’dawn il-postijiet, dawn tintlagħab playoff bejniethom sabiex jiġi determinat it-tim li se jiġi relegat flimkien mat-tim li kkwalifika darbtejn fil-ħdax jew it-tnax-il post.
Jekk erba’ timijiet differenti jikkwalifikaw fil-ħdax u t-tnax-il post fiż-żewġ rawnds ta’ logħob, hemmhekk jintlagħbu play-offs sabiex jiġi determinat min se jkun qed jiġi relegat.