Il-pakkett ta’ fondi Ewropej li jlaħħaq €2.25 biljun jinqasam f’€1.923 biljun li jagħmlu parti mill-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u €327 miljun bħala għotjiet mill-fond irkupru mill-pandemija.
B’hekk il-Gvern Malti rnexxielu jikseb id-doppju li nkiseb minn Gvern Nazzjonalista fi Frar tal-2013 għall-budget Ewropew 2014-2020.
Meta wieħed iqabbel il-budget Ewropew mingħajr il-pjan ta’ rkupru, hawn hekk ukoll il-Gvern kiseb għal pajjiżna €795 miljun aktar minn dak li pajjiżna ġab seba’ snin ilu.
Il-fondi li rċeviet Malta ser ikunu qed jitqassmu hekk.
Għall-Politika ta’ Koeżjoni Malta kisbet €842 miljun. Dan ifisser €66 miljun aktar mill-aħħar baġit għall-Politika ta’ Koeżjoni. Din is-somma ma tinkludix €92 miljun mil-fond ta’ rkupru mill-pandemija għal total ta’ €934 miljun.
Għall-agrikolura, Malta kisbet €191 miljun. €53 miljun jew 38% aktar mill-budget Ewropew li ġie nnegozjat fi Frar 2013.
Meta wieħed jgħodd il-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni u l-agrikoltura, l-ammont huwa ta’ €1.125 biljun jew kważi 60% tal-fondi allokati għal Malta mill-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Mill-fondi allokati, 10% se jkunu ddedikati speċifikament għal Għawdex. Dan biex jiżgura li globalment, Għawdex jingħata aktar fondi milli attwalment ġie allokat fil-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020.
Il-budget Ewropew ser isostni wkoll strumenti u programmi ewlenin għal Malta bħal dak tal-Erasmus+, il-fondi ta’ migrazzjoni, fruntieri u sigurtà u sajd. B’rabta ma’ dan pajjiżna se jirċievi €276 miljun.
Fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni, investiment strateġiku u ambjent, pajjiżna se jirċievi €162 miljun.
Malta se tieħu wkoll €242 miljun għas-suq waħdieni Ewropew fost oħrajn.