“Agħmel int li jitrażżnu It-tempesti, il-mard u l-ġuħ u żerniq ta’ ġranet isbaħ. F’ferħ jitbiddel tagħna id-dmugħ.”
Din hija silta mill-innu f’ġieħ San Sebastjan li l-Qriema Bastjaniżi jkantaw b’tant ferħ meta dak imsejjaħ bħala xemx ta’ Lulju jfeġġ mill-bieb tal-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi.
Fiż-żminijiet tal-pesta, id-devozzjoni lejn San Bastjan kienet kbira u saħansitra waslet sabiex tinbena parroċċa.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi Dun Ewkarist Zammit li spjega kif inħarġet ir-relikwa ta’ dan il-qaddis li ilu sa mis-seklu 16 protettur ta’ bosta li jqimuh biex jeħlishom mill-mard.
Dun Ewkarist spjegalna: “Naturalment il-għaliex jemmnu bl-interċessjoni tiegħu għax tant jgħożżuh, ħsibna biex f’dawn iż-żminijiet tiġi esposta r-relikwa ta’ San Sebastjan illi aħna għandna fil-parroċċa tagħna.”
Apparti l-espożizzjoni tar-relikwa fil-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, tqassmet talba.
Dun Ewkarist sostna: “Bħala parroċċa ktibna talba ċkejkna, u tajnieha l-familji tagħna anke biex anki f’dan iż-żmien jgħiduha u din it-talba anke għamilnieha esposta hawnhekk madwar ir-relikwa ħdejn l-istatwa arċipretali fil-knisja arċipretali u wkoll fejn l-istatwa tal-ġebel li għandna hawnhekk quddiem il-knisja.”
L-Arċipriet spjega wkoll kif il-kult lejn San Bastjan ilu ħafna u saħansitra nbniet il-Knisja għalih.
Huwa kompla jispjega: “Saret b’ringrazzjament lil San Bastjan talli interċeda m’Alla quddiem il-Pesta tal-1813. Imbagħad aktar tard fl-1880 inbniet din il-knisja, bdiet tinbena, damet 10 snin biex tinbena. Aktar ‘il quddiem fl-1918 saret viċi parroċċa, imbagħad fl-1936 hawnhekk twaqqfet u saret u twaqqfet il-parroċċa ġdida ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi.”