B’investiment ta’ €30 miljun għaddej ġmielu x-xogħol ta’ rinovar u tisbieħ fl-Isptar Monte Karmeli. Xogħol bżonnjuz ħafna hekk kif f’25 sena ma sarx investiment, u Monte Karmeli tħalla fi stat ta’ abbandun u disastruż, li ma jagħtix dinjità lill-pazjenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli, Stephen Sultana tkellem dwar dan l-investiment li ser isir fuq mhedda ta’ ħames snin fl-isptar kollu. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq is-sala li kienet tintuza għal-Physio Ward. Sala li se tilqa fiha pazjenti, sabiex jittranġaw is-swali l-oħra.
Kif tixhed l-plakka tal-inawgurazzjoni li hemm f’din is-sala, kien Gvern Laburista li fl-1997, wettaq investiment f’din is-sala. Ħaddiema tal-manutenzjoni tal-Isptar Monte Karmeli, għaddejjien b’ħidma bla waqfien fejn inqalgħu s-soqfa u sar xogħol ta’ kisi. Twaħħlu ukoll s-servizzi tal-ilma, tad-drenaġġ u kameras tas-sigurta.
F’din is-sala se jkun hemm sebat ikmamar, ħamsa minnhom swali li fihom se jkun hemm il-pazjenti. Fil-kmamar l-oħra se jkun hemm kċina u kmamar tal-banju. Sala oħra li għaddej ix-xogħol fuqha hija Sala San Ġorġ Preca li se tilqa fiha tnejn u tlettin pazjenti nisa. Ix-xogħol fuq din is-sala kwazi lest u l-pazjenti se jidħlu fiha fl-aħħar ta’ Mejju.
Bl-investiment li sar is-sala bdiet tieħu xeħta moderna, fejn sar tibdil fis-suffett, xogħol ta’ tisbiħ u fis-sistema elettrika. L-isptar Monte Karmeli investa ukoll fil-boiler room, fejn inxtara boiler ġdid sabiex fl-isptar ikun hemm ilma sħun.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli Stephen Sultana qal li t-Times of Malta ma kinitx koretta meta qalet li l-pazjenti qed jinżammu fi kmamar ikkundannati tal-Isptar. Il-Fondazzjoni għas-Servizz Mediċi ukoll se tkun qiegħda tinvesti sabiex dan l-isptar ikun wieħed dinjituz.
Bħalissa fl-Isptar Monte Karmeli hemm mal-450 pazjent li qegħdin jingħataw l-kura, bl-investiment ser jgħin sabiex dawn il-pazjenti ikollhom ambjent dinjituza li jixirqilhom.