Ninsabu fl-aqwa tal-istaġun tal-festi u hemm festi li qed jitgawdew minn iktar persuni grazzi għall-fond ta’ festi inklussivi li nieda l-gvern.
Il-fond kienu investiti fih mitt elf ewro u bbenefikaw 19 –il għaqda.
L-Għaqda mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun għamlet sett ta’ kotba bil-breil dwar il-patru tar-raħal. Dan biex ikunu aċċessibli għal dawk neqsin mid-dawl.
L-għaqda ħejjiet ukoll servizz bil-lingwa tas-sinjali bl-istorja ta’ San Gejtanu.
L-Assistent Segretarju tal-għaqda muzikali San Gejtanu tal-Ħamrun, Pierre Hili, tkellem dwar l-importanza ta’ fond bħal dan.
“Għin ħafna biex nies li ma kellhomx aċċess għal festa jkunu parti integrali. Ahna nemmnu fl-inklussività”.
Is-soċjetà Filarmonika Santa Marija, Mosta, ħasbet li għal kunċert tal-festa li sar quddiem il-bażilka tal-Mosta, torganizza trasport għall-anzjani u persuni b’diżabilità biex igawdu l-festa ta’ Santa Marija u saħansitra wara attendew għar-riċeviment.
Is-segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija David Micallef fisser kif bl-għajnuna liingħataw l-festa setgħet titgawda minn iktar nies.
“Bl-għajnuna tagħmel passi ikbar. sibna l-għajnuna ta’ Decelis. ħsibna li nagħmlu trasport inġibuhom u nagħmlu festin żgħir”.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, spjega kif din hi miżura oħra tal-baġit li twettqet b’suċċess.
“Ma jkun hemm l-ebda barikata li tbiegħed lill-persuni b’dizabilita u anzjani milli tipparteċipa fil-festi li jġibu għaqda. Aħna rridu li kulħadd jipparteċipa b’mod sħiħ f’dawn il-festi”.