Mit-22 ta’ Novembru sas-6 ta’ Diċembru se tittella’ s-sitt edizzjoni tal-festival tal-orgni li jinkludi sensiela ta’ kunċerti fil-knejjes tal-lokalitajiet.
Bl-orgni bħala l-protagonist ewlieni, dawn il-kunċerti se jinkludu l-akkumpanjament ta’ strumenti oħra li mhux is-soltu jingħaqdu mal-orgni. Id-Direttur Artistiku, Joseph Lia stqarr ma’ crew ta’ ONE News li “L-ewwel darba li se jinstema’ l-alphorn mal-orgni. Kombinazzjoni naqra riskjuża i mma vera sabiħa.”
Huwa qalilna li hemm taħlita ta’ strumenti oħra li se joffru armonija mad-daqq ta’ orgni. Lia kompla jispjega li “Ħa jkollna kunċerti fejn orgni solo, għandna kuncerti fejn hemm brass ensemble, għandna ukoll mal-vjolin , mal-klarinet, obwe.”
L-għan ta’ dawn il-kunċerti fil-knejjes huwa li jressqu l-mużika klassika aktar għall-apprezzamen tan-nies.
Fost il-lokalitajiet li fihom se jsiru dawn il-kunċerti hemm il-Qrendi, l-Isla, iż-Żejtun, ix-Xewkija, Għajnsielem u ċ-Ċittadella.
“Dawn il-mużiċisti jduru madwar id-dinja u jdoqqu fl-ikbar swali filarmoniċi li hemm madwar l-ewropa u madwar id-dinja u dawn issa ġejjin fil-knisja taghna biex idoqqu fil-kunċert ħa nkunu nistgħu ngawdu minn din l-eċċellenza artistika li jafu joffru dawn in-nies”, temm jispjega Lia.
Fost il-mużika li dawn l-artisti ta’ fama internazzjonali se jdoqqu hemm mużika b’kompożizzjoni ta’ Mozart, Bach u għadd ta’ kompożizzjonijet li nkitbu minn kompożituri Maltin.