Il-maġġoranza tal-istudenti li f’Ottubru li ġej se jibdew it-tielet sena sekondarja fl-iskejjel tal-istat, għażlu minn tal-inqas suġġett wieħed vokazzjonali jew applikat.
Hekk tibda tieħu l-ħajja l-bidla msejjħa bħala My Journey.
Huma 59% tal-madwar 4,500 student li għażlu wieħed mid-9 suġġetti vokazzjonali u 9 suġġetti applikati.
Din hi xhieda kbira tal-ħtieġa li kien hemm għal din il-bidla li fl-aħħar snin fissret tħejjijiet kbar u investiment ta’ miljuni ta’ ewro taħt it-tmexxija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Frank Fabri, segretarju permanenti fil-Ministeru fisser kif hekk jibdew jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.
Fabri sostna li “Huwa ta’ pjaċir għalina. L-edukazzjoni niftħula iktar bibien. Iktar opportunitajiet għal ġejjien”.
Kien spjegat kif 10 miljun ewro kienu investiti f’laboratorji u workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji tal-stat kollha. Fihom b’mod prattiku se mgħallma dawn is-suġġetti ħafna minnhom ġodda.
Fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, magħrufa bħala tal-Verdala, f’Bormla rajna kif klassijiet inbidlu f’workshops tal-aqwa livell.
Wieħed mill-workshops huwa mgħammar bi kċina u kamra tas-sodda u faċilitajiet oħra li se jintuża mill-istudenti li għażlu l-ospitalità.
Workshop ieħor inbiddel f’kamra relatata mal-moda. Hemm innotajna l-magna tal-ħjata u manikin li fuqha se jitgħallmu jfasslu l-ħwejjeġ l-istudenti li għazlu l-kors tal-moda u t-tessut.
Dħalna f’workshop ieħor li inbiddel f’kamra ta’ sptar. Hawn se jitgħalmu l-istudenti li għazlu l-kors tas-saħħa u kura soċjali. Bil-manikin f’din il-kamra se jintuża għat-testijiet mediċi.
Hemm ukoll il-post fejn se jitħarġu dawk li l-għażla tagħhom hija l-ħarsien tat-tfal.
F’kull każ rajna apparat li jitħaddem b’teknoloġija avvanzata.
Fabri tenna li “Ħafna mill-workshops minn 80 li qegħdin isiru huma lesti. Ohrajn fadal l-aħħar xogħol fuqhom”.
Minkejja li fadal l-aħħar preparamenti meta fl-aħħar ta’ Settembru l-istudenti jirritornaw lura lejn l-iskola se jkunu jistgħu jibdew dan il-vjaġġ uniku.
Huwa temm jgħid li “Kull student seta’ jħallat is-suġġetti hu. Din tagħmel My Journey unika fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, it-tfal jitħalltu kollha U Għandna l-inklussività”.