Min kellu jgħidilna li l-għaġin jista’ jikxef minn liema strata tas-soċjetà toriġina persuna? Fi żmien il-kavallieri dankien il-każ hekk kif l-għamla tiegħu u l-ingredjenti li jħawru l-platt kienu jiddependu fuq liema sfera tas-soċjetà tagħmel parti minnha.
Il-Mużew Marittimu b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi se jreġġgħu lura l-arloġġ għal madwar mitejn sena ilu bis-saħħa ta’ kotba mill-arkivji u inventarji tal-kċina.
Joseph Cassar, lettur fl-istitut, qal li l-għaġin kien jinħadem bl-idejn u l-għamla tal-għaġin ta’ nies iktar foqra kien iktar sempliċi u mħawwar biż-żejt u ftit bżar minkejja li dan kien jitqies bħala kapriċċ. Dan filwaqt li dawk li kienu jaffordjaw iktar kellhom għaġin magħmul minn dqiq iktar irfinat, b’forma iktar attraenti u mżejjen bi ħwawar liema bħalhom.
“Ħa nużaw tliet tipi differenti ta’ għaġina biex ukoll naraw għaġina li ħa jkun fiha l-bajd, għaġina mingħajr bajd u wkoll għaġina bi dqiq mhux irfinat. Din l-opportunitá wkoll tagħti lok fejn anke l-istudent li qed jitgħallem il-pożizzjoni ta’ kċina jiġi espost għal ikel li kien isir 200, 300 sena ilu.”
Id-Direttur tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi, Noel Buttigieg saħaq li l-għaġin fil-platt kien riflessjoni wkoll tas-soċjetà Maltija:
“Hawnhekk iżjed minn kollox se jħarsu lejn l-għaġin għalkemm b’mod iżolat imma b’taħlita ta’ prodotti oħra illi saffi tas-soċjetá diversi kienu jesprimu lilhom infushom u l-but tagħhom wara kollox bħal ma tgħid l-espressjoni, min għandu l-bżar ħa jroxxu.”
Il-pubbliku ser ikollu ċ-ċans jattendi għal pranzu storiku b’ingredjenti awtentiċi u lokali nhar it-3 u l-4 t’Ottubru fil-Mużew Marittimu.