L-editur maniġerjali tal-gazzetta Malta Today xehed fil-Qorti dwar ħruġ ta’ informazzjoni sensittiva mill-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza.
Balzan qal dan f’kawża ta’ libell li fetaħlu l-espert tal-Qorti John Muscat li ħassu mmalafamat b’rapport fil-gazzetta li żvelat li esperti tal-qorti li ġew appuntati minn wieħed mill-maġistrati li kien qiegħed imexxi l-inkjesta, ma ġewx appuntanti b’digriet tal-qorti.
Muscat jiġi ħu Caroline Muscat, ex strateġista tal-Partit Nazzjonalista u persuna qrib ħafna ta’ Simon Busuttil li kienet qiegħda tippubblika din l-informazzjoni sensittiva.
Fil-Qorti Balzan saħaq li huwa qatt ma semma lil Muscat bħala l-bniedem li beda joħroġ l-informazzjoni sensittiva mill-inkjesta anki jekk qatt ma nħatar formalment bħala espert tal-Qorti.
“Jien dejjem kont ġeneriku fi kliemi iżda l-pulizija u investigaturi oħrajn ta’ rieda tajba kienu qed jilmentaw mal-Maġistrat inkwirenti Anthony Vella li informazzjoni sensittiva bdiet tispiċċa f’idejn il-midja”, saħaq Balzan.
Xehed li ħafna mill-informazzjoni sensittva li bdiet toħroġ ma kinitx preċiża għall-aħħar u warajha kien hemm intenzjonijiet politiċi partiġjani.
“Tant dan il-ħruġ ta’ informazzjoni kienet kostanti li l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, kien sikwit joħroġ l-informazzjoni fuq il-profili tiegħu tal-midja soċjali qabel ma toħroġ l-aħbar innifisha”, qal l-editur tal-Maltatoday.
Balzan xehed li rapporti li dehru fil-midja Taljana fejn ingħad li l-ministru Chris Cardona kellu laqgħat ma’ Aflred Degiorgio, wieħed minn dawk akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia f’ħanut fis-Siġġiewi kienet storja vvintata u lixka mill-esperti tal-Qorti ta’ rieda tajba li riedu jidentifikaw min kien qed joħroġ l-informazzjoni.
Fil-fatt l-esperti tal-Qorti li marru jelevaw filmati minn kameras tas-sigurtà ta’ djar fejn il-ħanut fis-Siġġiewi assolutament ma rawx lill-Ministru Cardona fil-filmati iżda ma qalux b’dan lill-investigaturi.
L-istorja vvintata tal-laqgħa bejn Cardona u dak magħruf bħala l-Fulu spiċċat ġiet rappurtata mix-Shift News li l-editur tagħha hija Caroline Muscat, ħu John Muscat li kien involut fl-investigazzjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Din l-istorja ġiet anki rrappurtata mit-Times, li Muscat kienet ġurnalista magħha u minn stazzjon tar-radju Franċiż.
Semma li meta l-Maġistrat Vella sar Imħallef u Muscat ma baqax aktar espert tal-Qorti, ma baqgħetx toħroġ informazzjoni sensittiva.
L-editur tal-Maltatoday saħaq li kien hemm ġurnalisti li saħansitra kellhom logs ta’ telefonati interċettati u li din l- kienet f’idejn biss esperti tal-Qorti.
“Anki filmat ta’ George Degiorgio ċ-Ċiniż ħiereġ mill-Port il-Kbir dakinhar tal-qtil spiċċa f’idejn il-gazzetta Taljana La Repubblica”, qal Balzan li bla tidwir mal-lewża saħaq li kien Jason Azzopardi li għadda l-filmat.
Intant meta mistoqsi mill-avukat ta’ Muscat, l-editur tal-Maltatoday iddikjara li huwa jagħmel distinzjoni bejn esperti tal-Qorti bi snin twal ta’ esperjenza u John Muscat li fi kliemu jifhem kif joffri servizzi ta’ sigurtà f’kunċerti tad-daqq u l-kant tal-mużika.