Fost it-tradizzjonijiet qawwija f’dawn iż-żminijiet ta’ festi hija l-ikla ta’ nofsinhar f’Jum il-Milied, fejn il-familja – min-nanniet san-neputijiet, tinġabar taħt l-istess saqaf u madwar l-istess mejda biex jieklu flimkien.
Madanakollu, għal mijiet ta’ residenti fid-djar tal-anzjani, din it-tradizzjoni hija biss parti mill-memorja tagħhom, għaliex mhux kulħadd għandu min iżuru jew jista’ joħroġ biex igawdi l-Milied mal-familja.
ONE News żar ir-residenza San Vinċenz de Paul, li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi tkun mimlija ħajja u attivitajiet biex iferrħu lill-anzjani.
Fost l-oħrajn, lejlet il-Milied tiġi organizzata quddiesa għall-anzjani kollha f’San Vinċenz, fejn anki ssir il-priedka tal-Milied.
F’Jum il-Milied, f’diversi swali, kienu għaddejjin attivitajiet ta’ divertiment bis-sehem ta’ diversi għaqdiet volontarji li marru jdoqqu u jkantaw biex iferrħu lill-anzjani.
Staqsejna lill-anzjani xi jfisser għalihom il-Milied u x’jiftakru minn tfulithom.
L-anzjani f’San Vinċenz kellhom dawn il-messaġġi x’jgħaddu lis-segwaċi ta’ ONE News.