Jekk hemm xogħol li tista’ tgħid li m’għandux rutina huwa dak tal-Protezzjoni Ċivili li ta’ kuljum jassisti fuq diversi emerġenzi madwar il-gżejjer Maltin.
Kif mistenni, il-komunikazzjoni bejn il-ħaddiema tad-dipartiment hija importanti ħafna u għalhekk mat-tokki tas-07:00, il-leading officer li jkun inkarigat mis-shift jibda l-jum billi jiltaqa’ mal-kollega tiegħu li jkun wasal biex jitlaq sabiex jgħarrfu dwar dak li jkun ġara.
ONE News tkellem ma’ Michael Galea, li spjega kif min ikun qed imexxi “jagħti over lil-leading ġdid li qed jieħu over għal 24 siegħa li jmiss. Fejn jagħtih informazzjini dwar x’vetturi għandu bil-ħsara, ix-xogħlijiet li jridu jsiru u tasks oħra li jista’ jinqala’ minn ġurnata sa’ ġurnata”.
F’ċerti sitwazzjonijiet il-vetturi tat-tifi tan-nar jistgħu jfissru l-ħajja jew il-mewt tal-pumpiera kif ukoll tal-vittmi li jkollhom bżonn l-għajnuna. Għalhekk wara li jitqassmu l-irwoli kull pumpier imur jispezzjona b’reqqa l-vettura li tkun allokata għalih:
“Imbagħad jitqassmu n-nies x’se jagħmlu u mhux se jagħmlu, u jibda xogħol ta’ spezzjonijiet tal-vetturi. Kif qed tara warajja tiġi spezzjonata kull għodda li fiha jiġifieri kull filgħodu l-vetturi jiġu spezzjonati ħalli aħna nkunu żgur li l-apparat ta ġo fihom qed jaħdem 100%”
Is-Sur Galea kompla billi spjega li mhux kull stazzjon għandu l-istess tip ta’ vetturi hekk kif dawn ivarjaw skont id-distrett li jinsab fih:
“Il-vetturi kollha jvarjaw minn stazzjoni għall-ieħor, għandek il-vetturi bażiċi li huma komuni għal kull stazzjon u mbagħad għandek vetturi aktar speċjalizzati. Per eżempju, hawnekk peress li għandna d-dockyard u postijiet nawtiċi, għandna vetturi speċjalizzata għal dak ix-xogħol”
Issa li qed jaqleb l-istaġun il-ħidma tal-Protezzjoni Ċivili tinbidel hekk kif in-nies jibdew iqattgħu aktar ħin id-dar għalekk l-inċidenti fir-residenzi jiżdiedu.
“Bażikament l-istaġuni jaffettwaw lin-nirien, ovvjament fix-xitwa ħa jkollna aktar nirien li jinvolvu gass u electric blankets u affarijiet li jirrelataw mad-dar. fis-sajf ikollna aktar nirien li jinvolvu bbqs jew inkella grass fires minħabba li fis-sajf in-nies iqattgħu aktar ħin barra u fix-xitwa jqattgħu l-ħin ġewwa”
Is-Sur Galea temm b’appell sabiex in-nies ikunu aktar attenti fl-użu ta’ dan it-tagħmir sabiex isaħħnu djarhom hekk kif apparat antik jista’ jwassal għal numru ta’ inċidenti b’riperkussjonijiet kbar.