F’dan iż-żmien straordinarju, huma ħafna l-ħaddiema li qed jingħataw il-faċilità li jaħdmu mid-dar biex jipproteġu lilhom infushom u lil familthom.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, li għaddejjin b’ħidma lejl u nhar biex ikunu ta’ servizz għall-poplu Malti u Għawdxi.
Bħala ringrazzjament u apprezzament lejn ix-xogħol siewi li qed jagħmlu l-ħaddiema tal-isptar, b’dedikazzjoni bla preċedent, iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika taw ir-residenza tagħhom għal dawn in-nies, li bħalissa mhux tintuża minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Il-president taż-ŻAK, Rosanne Buhagiar, stqarret li din hija biss xi ħaġa żgħira ħdejn l-għajnuna kbira li diversi ħaddiema qed jagħtu quddiem l-isfida tal-Coronavirus.
Hija stqarret: “Qegħdin jagħmlu opra kbira bħalissa għaliex qed jpoġġu lilhom infushom f’riskju akbar minnha għaliex aħna nistaw nibqaw id-dar kemm jista’ jkun u mitlubin li nibqgħu dar, b’mod sikuri imma dawn iżda dawn in-nies huma mitluba li jmorru għax-xogħol.”
Irrikonoxxiet li dawn il-ħaddiema qed jagħtu sehem imprezzabbli quddiem il-pandemija tal-Coronavirus u għalhekk inħass il-bżonn li huma wkoll jagħtu s-sehem tagħhom u jgħinuhom jevitaw kuntatt ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom.
Is-Sinjura Buhagiar sostniet: “Il-fatt li huma stess qedin jinqatgħu mill-familji, min dawk li jafu biex jipproteġu lil dawk ta’ madwarhom hija xi ħaġa sabiħa,ġest nobbli, u l-inqas ħaġa li stajna nagħmlu kien li nipprovdulhom dan il-post.”
Għalkemm id-Dar ta’ Birkirkara taż-ŻAK tesa’ aktar nies, qed tilqa’ fiha 6 ħaddiema, paripassu mal-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Fost il-ħaddiem li qed jgħixu f’din id-dar hemm l-infermiera Emma Pisani li stqarret li f’dawn il-mumenti diffiċli, dan il-ġest mitqlu deheb qed jgħinhom iżommu ‘l bogħod mill-familji u l-ħbieb tagħhom biex ikunu protetti.
Emma stqarret magħna: “Jiena kuntenta immens li sibt din l-għajnuna mingħand iż-ŻAK u l-AZZJONI KATTOLIKA m’hemmx biżżejjed kliem biex nuri kemm jiena grata lejn dawn in-nies f’dan il-mument diffiċli. Lilna serħulna moħħna.”
Biex jagħmlu kuraġġ f’dan il-perjodu, iż-ŻAK weħħlet messaġġ ta’ pożittività fid-daħla tad-dar, biex huma u sejrin għax-xogħol, dawn il-ħaddiema jiftakru li dan iż-żmien diffiċli se jgħaddi wkoll.