It-tberik jiftaħ il-bibien għal realtajiet li n-nies ftit li xejn jiftħu ħalqhom għalihom.
Dan stqarru l-Arċipriet ta’ Ħad-Dingli, Fr Mark Mallia Pawley li din is-sena ma setax iżur il-parruċċani tiegħu fi djarhom.
L-arċipriet saħaq li t-tberik mhux sempliċiment l-eżerċizzju ta’ tberik fid-djar iżda juri ċerti realtajiet li mill-bieb tad-dar ‘il barra ma jidhrux.
Fr Mark stqarr li n-nies jaf jinqdew bit-tberik sabiex iwasslu messaġġ t’għajnuna.
“Għall-parroċċa t-tberik huwa importanti ħafna għax hemmhekk niltaqgħu mal-familji, li tidħol ġewwa ħafna drabi sal-kċina, sal-kamra ta’ ġewwa u hemmhekk tiltaqa’ mal-familja. Huwa mument li dis-sena qed inħossu n-nuqqas tiegħu.”
Minkejja dan, l-arċipriet ma żammx lura milli juri lill-komunità Dinglija li l-knisja kienet, għadha u ser tibqa’ hemm għalihom.
Nhar Sibt il-Għid, Fr Mark bierek elf u ħames mitt flixkun mimlija bl-ilma għat-tberik u mżejna b’werqa taż-żebbuġ li kienet preparata f’Ħadd il-Palm. Dan biex jitqassmu qalb il-familji Dinglin imbagħad dawn stess bierku djarhom.
“Il-parroċċa hija magħmula mill-komunità u bħalissa l-komunità għandha bżonn tagħraf li hemm nies li huma viċin tagħha nkluż il-parroċċa stess u dak kollu li jikkostitwixxi parroċċa. Kien hemm feedback sabiħ ħafna meta bdejna nqassmu dawn il-flixken għaliex in-nies ħassu illi l-parroċċa hija viċin.”
Jidher li din l-inizzjattiva ntlaqgħet b’idejn miftuħin mid-Dinglin hekk kif l-Arċipriet irċieva diversi reazzjonijiet ta’ sorpriża.
Iżda din m’hijiex l-unika inizzjattiva li qiegħda sseħħ bħalissa hekk kif Fr Mark jibda l-ġurnata tiegħu b’serje ta’ telefonati lil dawk fost l-aktar vulnerabbli fil-komunità li kemm –il darba saħqu miegħu li l-konsegwenzi ta’ din l-imxija lanqas esperjenzawhom fi żmien il-gwerra.
“Kull filgħodu nagħmel ammont ta’ telefonati lill-anzjani tal-parroċċa u japprezzaw il-fatt li iva hemm min jieħu ħsiebhom, hemm min qed jagħti kas anki speċjalment ta’ dawk li jinsabu waħedhom.”