F’dan iż-żmien tas-sena, fir-Rabat ta’ Malta, biswit il-Knisja ta’ San Ġużepp, tiddomina riħa li taqsam qalb dak li jkun, ġejja mill-forn Malti tal-Familja Buttigieg; ir-riħa tal-qagħaq tal-appostli.
Dan l-istazzjon iltaqa’ mal-furnara Carmen Buttigieg, li ilha għal dawn l-aħħar tletin sena tagħġen u taħmi f’forn antik, fejn spjegat għaliex għexieren ta’ nies ta’ kuljum f’dawn il-jiem ifitxxu l-qagħaq tal-Appostli.
“Il-qagħqa tal-Appostli jiġu ħafna għaliha, għaliex xtrajna hawnhekk u anke r-riċetta għax hija antika ħafna u mhux se ssib bħalha mkien għax mhux tal-ħobż biss imma hija ħelwa wkoll.”
Il-furnara qaltilna x’inhuma l-ingredjenti ewlenin li jwasslu għal togħma bnina u tajba.
“Nagħmlu t-taħlita bil-qxur tal-lumi u tal-larinġ, il-ħwawar li jagħmlu t-togħma tajba ħafna. Titlaq l-għaġina u trid tagħmel il-proċess tagħha trid ħafna xogħol biex tiġi ratba. Tibda taħdimha, l-ewwel bħala ħobża imbagħad bziezen.”
Il-qagħaq tal-Appostli mhuwiex l-unika ikel li jinbigħ bl-abbundanza f’dawn iż-żminijiet, hekk kif bosta jixtru l-figolli u l-bajd taċ-ċikkulata bħala deżerta.