It-testijiet għall-Coronavirus li jagħtu r-riżultat fi ftit ħin, magħrufa aħjar bħala r-Rapid Testing, qed jgħinu ħafna biex jitnaqqas it-tixrid tal-infezzjonijiet fil-komunità.
Qal dan il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-virologu Christopher Barbara, fejn ma’ dan l-istazzjon, waqt li għamel prova ta’ dan it-tip ta’ test quddiemna, spjega kif il-metodu ġdid qed inaqqas mill-piż tal-laboratoji li jagħmlu t-testijiet normali.
Huwa stqarr: “Aħna mhux qed ngħabbu l-laboratorju li tafu li qed jagħmel madwar tlett elef swab bil-PCR kuljum. B’hekk qed ngħinu li naqbdu aktar każijiet tal-COVID biex b’hekk issir jew irrażżnu nfezzjoni fil-komunità u fl-istess ħin qed naqbdu dawn il-każijiet u l-laboratorju jekk isib xi każ pożittiv jikkonfermalna b’mod aktar faċli u b’mod aktar malajr.”
Dr Barbara spjega kif isir ir-rapid test.
Qal għal xiex qed jintuża l-aktar dan it-test. Huwa sostna: “Qed nużawh biex jistgħu jużawh it-tobba u pazjenti li jista’ jkollhom sintomi li jridu jaraw għandhomx COVID jew le u f’għoxrin minuta jistgħu jintużaw. Djar tal-anzjani, stituti, fejn ikollhom każ pożittiv u malajr trid tagħmel screening tan-nies kollha li qegħdin f’dak il-post fi ftit minuti diġà nkunu għamilna screening ta’ kull min qiegħed f’dik ir-residenza.
Il-virologu semma diversi vantaġġi li ġab miegħu dan it-test li joħroġ ir-riżultat wara għoxrin minuta.
Huwa tenna: “Il-vantaġġi ta’ dan it-test huwa r-rapidità tat-test għaliex il-Covid-test jieħu ġieli anke ġurnata mentri dan se jkun għandek f’għoxrin minuta … vantaġġ ieħor huwa li dan ma jqumx flus daqs kemm iqum PCR test.”