L-aħħar lejl tas-sena huwa sinonimu maċ-ċelebrazzjonijiet, u allura, il-konsum tal-alkoħol.
F’dan il-lejl, bħal diversi ġranet oħra fis-sena, il-Korp tal-Pulizija flimkien ma’ forzi dixxiplinati oħra f’pajjiżna, jagħmlu diversi spezzjonijiet biex jassiguraw is-sigurtà fit-toroq.
ONE News tkellem ma’ Nicholas Vella, spettur fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija, dwar it-test tal-breathalyzer.
Spjega kif meta persuna titwaqqaf fit-triq fuq suspett li qed issuq taħt l-effett tax-xorb, isirilha t-test tal-breathalyzer.
Xufiera differenti għandhom limiti differenti ta’ alkoħol li jistgħu jikkunsmaw.
Qal, “Skont il-liġi ma jistax jaqbeż it-tnejn u għoxrin mikrogramma kull mitt millilitru ta’ nifs. Issa din tgħodd għall-persuni li jsuqu karozza normali, li niftehmu aħna normali, għax imbagħad għandek persuni li jġorru passiġġieri bi ħlas, bħal ta’ tal-linja, taxis, karozzi li tħallas biex tikri, dak huwa zero, ma jistax jimmarka l-breathalyzer biex ikun jista’ jsuq. Imbagħad għandek dawk il-vetturi kummerċjali u dawk il-persuni li jinsabu b’liċenzja taħt probation. Dawk huma 9 micrograms.”
It-test tal-breathalyzer iġib miegħu piena ta’ priġunerija, u allura jitqies bħala reat kriminali, li jġib miegħu ċertu drittijiet.
Qal, “Qabel ma tagħmel il-breathalyzer, tingħata d-dritt li tista’ titkellem mal-avukat tal-fiduċja tiegħek. Tista’ tiċħdu jew titkellem mal-avukat. Wara li jingħata dak id-dritt, int tingħata d-drittijiet relatati mal-breathalyzer, fosthom wieħed minnhom għandek l-opportunità li tirrifjuta li tagħmlu, biss ovvjament, dik tinġieb bi prova fil-Qorti kontrik li inti ċħadt li tagħmel il-breathalyzer.”
It-test isir wara li jiddaħħlu d-dettalji tal-persuna u tal-vettura fl-apparat tal-breathalyzer.
Wara li l-persuna tonfoħ fi straw, joħroġ ir-riżultat u tiġi pprintjata rċevuta bħala prova.
L-ispettur spjegalna x’jiġri jekk persuna taqbeż il-limitu permessibbli bil-liġi tax-xorb ikkunsmat.
Qal, “Once li qabeż dak il-limitu, il-persuna ma titħalliex issuq. Ovvjament la aħna qbadna l-persuna li qed issuq taħt l-effett tax-xorb, il-Pulizija ma tistax tħalli li tinstaq din il-vettura. B’hekk, il-vettura jew tiġi ttowjata mis-sid stess jew tinstaq minn persuna li mhix taħt l-influenza tal-alkoħol u b’hekk imbagħad il-persuna tiġi nfurmata li ħa joħorġu akkużi kontrih fil-Qorti.”
L-ispettur spjegalna wkoll li l-limitu qiegħed hemm għal kulħadd imma l-alkoħol mhux lil kulħadd jaffettwa l-istess u hemm diversi fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-riżultat tat-test, bħall-piż u t-tul tal-persuna, jekk tkunx xorbot fuq stonku vojt, u l-ħin ta’ meta ġie kkunsmat ix-xorb.
Qal, “M’hemm ħadd li jista’ jgħid, jiena nista’ nieħu żewġ drinks, tlieta, erbgħa, ħamsa. Kull persuna tirreaġixxi differenti għall-ammont ta’ xorb li tixrob allura aħna dejjem nibbażaw ruħna fuq ir-riżultat li joħroġ fil-breathalyzer.”
L-ispettur kellu appell skjett b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena.
Qal, “Ovvjament ħa nagħmlu spezzjonijiet bħalma nagħmlu kull sena, bħalma nagħmlu ħafna drabi u dis-sena ħa nżiduhom. Aħna nappellaw li min ħa jixrob, ma jsuqx. Huwa importanti ħafna biex innaqqsu l-inċidenti fit-toroq Maltin.”