Is-solitudni.
Sitwazzjoni li fid-deher ma tagħtix fil-għajn iżda li fil-verità taħkem l-imħuħ ta’ wieħed minn kull erba’ persuni f’Malta.
L-effetti ta’ din is-sitwazzjoni joħorġu partikolarment fi żmien il-festi u jfeġġu l-iktar fost l-anzjani u anke ż-żgħażagħ.
Spjega dan ma’ ONE News il-psikologu Dr Nicholas Briffa hekk kif rrefera għal stħarriġ riċenti li sar f’pajjiżna.
Huwa spjega: “Ġewwa pajjiżna persuna minn kull 4 tħossha waħedha u l-iktar nies li huma suxxettibbli li jħossu l-loneliness huna propju ż-żgħżagħ u kif ukoll l-anzjani.”
Spjega wkoll għaliex f’dawn iż-żmien ta’ festi is-solitudni taħkem l-imħuħ ta’ dawk kollha li jinsabu waħedhom.
Dr Briffa sostna: “Il-Milied għal ħafna nies ifisser ġabra. Ifisser żmien fejn jiltaqa’ mhux biss mal-familjari li ilu ma jara imma kif ukoll il-ħbieb li ilu ma jara u allura meta f’dawn iż-żminijiet xi ħadd propju ma jkollux lil min jiffrekwenta wieħed jiġi iktar konxju ta’ din il-problema, ta’ kemm jinsab u jħossu waħdu u kemm in-nuqqas ta’ konnessjoni qed jaffetwaw ukoll il-kuntentizza tiegħu u s-saħħa tiegħu.”
Aċċenna wkoll għall-midja soċjali hekk kif f’dawn iż-żminijiet kulħadd jxerred ritratti u filmati minn festini ta’ ċelebrazzjoni u kif dawn jistgħu jkunu l-melħ fuq il-ferita għal xi ħadd li jbati mis-solitudni: “B’mod speċjali fil-Milied kulħadd speċi jippostja li qiegħed mal-ħbieb, qiegħed propju miġbur fil-familja eċċ u kultant jiena naħseb li importanti li mmorru back to basics ukoll. Li kultant tuża ħafna l-midja soċjali fi żmien il-Milied jista’ jkun jew għal ħafna nies li jaqsmu magħna li jkun iżjed ta’ xkiel.”
Mistoqsi x’jista’ jsir sabiex din il-kundizzjoni tiġi miġġielda Dr Briffa tenna li anke sempliċiment telefonata lil dawk li jkunu waħedhom tista’ tgħin ħafna.
Hu temm jgħid: “Kemm huwa sabiħ, kemm huwa importanti li we reach out. Li f’dan iż-żmien mhux biss inkunu karitatevoli permezz tal-flus u ġejja l-Istrina huwa tajjeb li nikkontribwixxu imma kultant huwa sabih u iktar fejjiedi li aħna nikkontribwixxu permezz tal-ħin tagħna u tal-preżenza tagħna.”