Intervent ta’ nofs siegħa li sar għall-ewwel darba f’pajjiżna fl-isptar Mater Dei, salva l-ħajja ta’ mara Maltija ta’ sebgħa u għoxrin sena.
L-intervent sar il-ġimgħa l-oħra mill-Professur Malti Joe Degovanni, li ġie apposta minn Birmingham biex jagħmel dan l-intervent fuq l-omm ta’ żewġt itfal.
One News tkellem mal-Professur fl-Isptar Mater Dei, Dr. Victor Grech, li spjega aktar il-kundizzjoni u x’wassal biex ġiet operata.
“Din il-mara b’żewġt itfal kellha dan it-tip ta’ short circuit fil-pulmun illi mhux biss kien ta’ periklu għax jistgħa jitla’ xi ħaġa per eżempju ġo rasha u jtiha stroke jew imur ġo qalbha u jtiha attak tal-qalb…din il-mara dejjem kellha nuqqas t’ossiġnu fid-demm iġifieri xħin titħabat jitbaxxielha iktar u dejjem nifsha maqtugħ.”
Il-Professur Grech spjega l-proċess qasir iżda ferm delikat biex eventwalment l-ossiġnu fid-demm tal-mara reġgħa ġie għan-normal.
“Li għamel sab l-arterja li konna nafu fejn qiegħda minħabba CT Scan fejn qiegħda eżatt il-qalb u sadd b’plug..l-intervent dam forsi xi nofs siegħa u mill-ewwel l-ossiġnu fid-demm telaq għax ovvjament la saddejta ix-short ciruit eleminajtu dak il-ħin, hi ħassitha aħjar mill-ewwel kif qamet u issa l-ossiġnu fid-demm tagħha huwa kompletament noramli u qisha qatt ma kellha xejn tħossha ħafna aħjar.”
Peress li dan l-intervent mhux komuni, tant li qatt qabel ma kien sar f’pajjiżna, madwar 400 professjonist u studenti tal-mediċina li kienu preżenti għall-konferenza dwar il-mard tal-qalb, raw l-intervent iseħħ quddiem għajnejhom.
“Fuq l-iscreen kellna x’qed jaraw il-kollegi tagħna fil-catlab, x’qed jaraw il-kollegi tagħna fuq l-ultrasound tal-qalb fuq il-pazjenta, kellna video feed ukoll tal-monitor ECG etc, u kellna kamera iffukata fuqhom u fuq idejjhom”
Il-Professur appella biex minn iħoss xi qutgħ ta’ nifs jew uġigħ mhux tas-soltu, imur għand it-tabib, għax kieku din il-mara ma ndunatx b’din il-kundizzjoni, seta’ kellha konsegwenza ferm iżjed serji.