Xaharejn ta’ Community Policing fil-Mellieħa kienu suċċess, hekk kif żewġ persuni kienu arrestati u nħarġu 170 twissija. Il-kunċett ta’ Pulizija fil-komunità huwa għodda l-Korp tal-Pulizija prova bil-għan li jipprevjeni l-kriminalità, aktar milli sempliċiment jinfurza biss.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafà, spjega li l-proġett pilota dwar dan sar fil-Mellieħa għaliex l-espert barrani li għen fl-inizjattiva kellu għarfien xieraq ta’ dawn l-inħawi ta’ Malta. Fl-istess ħin, id-daqs tal-villaġġ fisser li diġà kien hemm rapport tajjeb bejn ir-residenti u l-Pulizija.
Gafà spjega kif “Il-prevenzjoni hija l-oġġettiv primarju tal-Korp. Il-Community Policing dak li jagħmel, għodda oħra biex il-Korp jippreveni l-kriminalità. Idaħħal lill-komunità bħala partner. Jekk nara x’ġara fil-Mellieħa. Aħna ħriġna mill-Għassa tradizzjonali u morna f’uffiċċju tal-Kunsill Lokali.”
Tliet uffiċjali tal-Pulizija qed jieħdu ħsieb inħawi differenti tal-villaġġ, bis-surġent Gabria Gatt tamministra l-ħidma ta’ kuljum fejn jidħol il-Community Policing.
Gatt sostniet li “Qed inġibu riżultati tajbin ħafna. Għamilna akar ninn 500 siegħa foot patrol, morna fuq aktar minn 170 inċident jew affarijiet li kellna nsolvu għar-residenti. Irridu ntejbu. Nitlob li ntejbu u r-riżultati nkomplu nġibuhom aħjar.”
Is-Surġent Gatt spjegat li minkejja li xogħolha minn dejjem taha sodisfazzjon, il-Community Policing żera’ fiha sodisfazzjon differenti, li hi u l-kollegi tagħha issa verament qed iservu lir-residenti kif inhu xieraq billi jipprevenu l-kriminalità.
“Dik il-ħaġa li nippruvaw inwaqqfu xi ħaġa milli tiġri. Int kont importanti għall-bniedem u waqqaft xi ħaġa li vera kienet ilha ddejqu”, kompliet tgħid Gatt.
Din l-inizjattiva se tkompli għaddejja fil-Mellieħa, iżda l-Korp tal-Pulizija qed ikejjel is-suċċess tagħha f’dan il-villaġġ billi wkoll jara li jestendiha.
“Is-suċċess huwa li l-pubbliku jgħidlek biex nintroduċuh f’lokalitajiet oħra. Kif għid, il-ħsieb hu li s-sena d-dieħla nkomplu nestenduh. Kunsilli Lokali rispettivi diġà qed jiġu infurmati”, temm jgħid Angelo Gafà.