Id-dinja laqgħet is-sena l-ġdida b’diversi spettakli kkuluriti.
L-ewwel pajjiż li laqa’ l-elfejn u tnejn u għoxrin kien New Zealand, li f’Auckland, sar spettaklu bid-dwal fuq Harbour Bridge, li kien limitat minħabba l-pandemija.
Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Awstralja, li tat bidu għas-sena l-ġdida tliet sigħat wara.
Fil-belt ta’ Sydney, waħda mill-iżjed magħrufa madwar id-dinja għax-xeni spettakolari li tospita kull sena, kien hemm spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-ajru fuq il-Harbour Bridge u ħdejn l-Opera House.
Mat-tokki ta’ nofsillejl f’Dubaj kien hemm ukoll spettaklu kbir ta’ nar mill-itwal binja fid-dinja, il-Burj Khalifa.
Fi Spanja, in-nies inġabru f’Madrid, waqt li eluf ta’ Olandiżi li qegħdin f’lockdown qasmu lejn il-Belġju biex jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida.
Fir-Renju Unit, mat-tokki ta’ nofsillejl daqq il-Big Ben għall-ewwel darba wara nuqqas ta’ snin minħabba r-restawr estensiv li kien qed isirlu.
Hawnhekk sar spettaklu televiżiv bil-logħob tan-nar u bid-drones. Fost l-oħrajn, kien hemm forma ta’ ljun, minħabba l-kampjonati Ewropej tan-nisa li se jsiru f’dan il-pajjiż.
Fi Franza, it-Torri Eiffel kellu fuqu l-bandiera tal-Unjoni Ewropea, hekk kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-ġdida, Franza għandha f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
Dan filwaqt li f’Times Square fi New York fl-Amerka, li huwa fost l-aħħar pajjiżi fid-dinja li jsellmu s-sena l-ġdida, bosta nġabru fi sfond ta’ spettaklu kkulurit jgħoddu l-aħħar tokki tas-sena elfejn u wieħed u għoxrin biex jilqgħu dik li bdejna llum.