Il-ħolma tal-Beltin qed issir realtà, wara li l-Gvern se jgħaddi art li m’għadhiex tintuża fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Farruġ sabiex issir grawnd tal-futbol ta’ wieħed mill-akbar klabbs tal-futbol f’pajjiżna.
Din l-art ingħatat wara li fil-Kumitat tal-Awditjar għadda vot unanimu dwar it-trasferiment ta’ dan il-grawnd.
Dwar dan, ONE News tkellem ma’ Clint Axisa, li huwa membru fil-kumitat ta’ Valletta FC li qal kif il-klabb Belti ilu jaħdem aktar minn għaxar snin sabiex tinkiseb art għall-grawnd tal-futbol.
Huwa stqarr: “Huwa xi ħaġa li s-sapporters Beltin u kull min għandu l-Belt għal qalbhom, speċjalment it-tfal Beltin. Tant ilna naħdmu, aktar minn għaxar snin u issa fl-aħħar wasalna.”
Is-Sur Axisa qal kif il-klabb Belti se jkollu faċitilitajiet tal-għola livell, sabiex it-tfal u l-plejers Beltin jilagħbu l-futbol fi grawnd xieraq.
Huwa sostna: “Meta din ħarġet fil-midja u nara l-eluf ta’ messaġġi li qed nirċievi, ringrazzjamenti lill-klabb tinduna kemm hija xi ħaġa tant kbira, aktar minn dak li konna qegħdin naħsbu għas-sapporters Beltin.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li hemm numru ta’ inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru.
L-Onor. Grima saħaq: “Meta għandek klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom, li huma stabbli, dawn iħallu ġid fis-soċjetà Maltija, ġid fit-tfal tagħna.”