‘Pajjiżna għandu ekonomija b’pedamenti sodi b’taħlita ta’ setturi tradizzjonali u oħrajn ġodda.’
Hekk stqarr il-Kap tad-Dipartiment tal-Pkonomija fl-Università ta’ Malta, il-Prof. Philip Von Brockdorf, l-għada li ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li matul is-sena li għaddiet l-ekonomija ta’ Malta kibret b’4.4%.
Miċ-ċifri jirriżulta wkoll li bejn Ottubru u Diċembru li għadda, Malta rreġistrat tkabbir ekonomiku li kien ħames darbiet iktar miż-Żona Ewro.
Dan ifisser li fl-aħħar tliet xhur tas-sena mhux talli l-ekonomija ma staġnatx, iżda kienet 1.4% aktar mit-tliet xhur ta’ qabel.
Huwa stqarr li filwaqt dan it-tkabbir ekonomiku kien previst, issa l-isfida hija biex dan it-tkabbir jinżamm. Madankollu, qal li l-pedamenti sodi tal-ekonomija tagħna jawguraw tajjeb għal dan.
Il-Prof. Von Brockdorff spjega: “Għandna surplus finanzjarju imma wkoll għandna s-setturi li baqgħu jikbru minkejja li qed naraw ekonomiji fl-ewropa wkoll li qed jaffaċjaw problemi. Jiġifieri aħna qed naraw żieda fit-turiżmu, qed naraw żieda fis-setturi ġodda wkoll, attivit__á ekonomika ġdida f’setturi oħra bħal Fintech u bħal Blockchain.”
Il-Professur Von Brockdorff spjega kif it-tifqiegħa tal-Coronavirus affettwat l-ekonomija globalment.
Huwa spjega kif dan il-virus wassal għal telf ta’ biljuni ta’ ewro f’ishma fis-swieq finanzjarji madwar id-dinja.
Il-Prof. Von Brockdorff stqarr li jekk dan il-virus ikompli jinfirex, jista’ jaffettwa l-ekonomija Maltija: “Jekk se jkompli jinxtered allura jista’ jkun li jaffetwa ċertu setturi li aħna niddependu fuqhom bħala ekonomija, jiġifieri t-turiżmu u anke biex ngħid hekk anke setturi oħra illi nesportaw il-prodotti tagħna lejn ċertu swieq. Jiġifieri hemmhekk iva jista’ jkun ikollna effett. Però kollox jiddependi jekk il-virus hux se jkompli jinfirex jew le.”
Il-Professur temm jgħid li għadu kmieni wisq biex wieħed jiddetermina jekk pajjiżna hux se jintlaqat minn kriżi ekonomika minħabba dan il-virus.