Huma bosta s-setturi fid-dinja tan-negozju li qed jiġu affettwati minħabba l-iżviluppi b’rabta mal-Coronavirus iżda mhux biss.
Il-vanità ta’ wħud li anki jekk ġewwa jridu jidhru bl-aħjar mod qed tolqothom fil-laħam il-ħaj.
Min għax tidhirlu xi xagħarha bajda u min għax irid iqiegħed il-frenża f’postha, l-istilista tax-xagħar Stef Deguara qaltilna kif hawn min tagħtu rasu bil-ħsieb li ma jistax jaqbad u jmur għand tax-xagħar.
Stef spjegat: “Hemm klijenti li jgħidulek ħa tagħlaq? Kif ħa ninqeda jien? Hemm min jgħidlek jien mhux ħa nersaq ’l hemm. Issib ħafna opinjonijiet. Għal dawk in-nies għalissa la għadha ma saritx il-lockdown, eħe ħa naqdihom. Għalissa ħa nisma’ mill-awtoritajiet u nimxu minn hemm.”
Qalet li min-naħa l-oħra hemm min qed iħassar l-appuntamenti. Stef sostniet: “L-appuntamenti kienu tipo għalissa ħa nħallih, la jgħaddi kollox inċempillek jew nibgħatlek, ma nafx meta ħa jgħaddi kollox, nispera li ma jdumx ma jgħaddi, però nista’ ngħid li l-weekend fejn is-soltu nagħlaq fis-6:00 p.m., ma’ nofsinhar kont id-dar għax ikkanċellaw ħafna nies.”
Spjegat li hi u l-impjegati tagħha qed jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Fost oħrajn qed jaħdmu biex ma jkunx hemm iktar minn klijent wieħed fil-ħanut fl-istess ħin biex ikun hemm l-inqas kuntatt possibbli.
Hija kompliet tgħid: “Aħna nippruvaw inżommu daqsxejn ta’ distanza, nużaw l-ingwanti disposable, towels disposable, gowns disposable, dejjem tista’ tipprevjeni l-aħjar li tista’.”
L-istilista tax-xagħar, li xogħolha tiddeskrivih bħala arti qalet qalet li tinsab impenjata li tibqa’ tagħti s-servizz bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.