Għaxar binjiet b’karatteristiċi uniċi storiċi ngħataw ordni ta’ protezzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Fi stqarrija ntqal li b’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, dawn il-binjiet ingħataw grad wieħed jew tnejn.
Fost id-djar li ngħataw l-istat ta’ protezzjoni hemm dik tal-eks Prim Ministru Malti Nerik Mizzi.
Din id-dar tmur lura għas-seklu 17, ftit għexieren ta’ snin wara li l-Kavallieri bnew il-belt il-ġdida fuq l-għolja Xiberras u inċidentalment tinsab faċċata tad-dar fejn twieled Manwel Dimech nhar il-Milied tal-1860. Binjiet oħra protetti huma dawk f’Bormla, l-Qrendi, Ħal Balzan, il-Gżira, Ħal Lija u n-Naxxar.
Binja li mhiex residenzjali li wkoll ingħatat l-istess grad ta’ protezzjoni hija l-knisja ta’ San Ġużepp fil-Manikata. Din il-knisja inbniet ftit wara l-ewwel gwerra dinjija.