Il-kura tal-ġilda hija kruċjali anke meta wieħed ikun magħluq ġewwa għal tul ta’ ħin. Dan qalitu t-terapista tas-sbuħija Hilda Farrugia, li ma’ ONE News spjegat li anke meta wieħed ikun ġewwa, il-ġilda xorta tista’ ssirilha ħsara.
Hija spjegat li “l-ġilda tagħna tiġi affettwata minn stress, u hemm min tiħmarlu l-ġilda, jew l-ormoni tiegħu jipproduċu aktar ponot. Il-ġilda xorta qed tinbidel kull 28, 30 jew 40 jum, u għandek id-debris tal-ċelloli tal-ġilda. Allura xorta rridu nikkurawha f’dawn iż-żminijiet.”
Fakkret ukoll li issa, li t-temperaturi bdew telgħin tajjeb li wieħed jieħu ħsieb li jkollu prodotti li jipproteġu l-ġilda kontra l-qawwa tax-xemx, anke jekk bħalissa qed noħorġu biss għal xi mixja waħedna. Filfatt qalet li dak li jkun irid ifittex sunblock “anke jekk immoru fuq il-bejt jew nagħmlu mixja żgħira waħedna, li jkun UVA jew UVB.”
ll-kura tal-ġilda f’dan iż-żmien tista’ tkun ukoll mezz kif wieħed jirrilassa xi ftit u jibdel ir-rutina tas-soltu, speċjalment bħalissa li dawn it-tip ta’ servizzi mhux jingħataw mill-ħwienet.
Farrugia saħqet li hemm tip ta’ kura li tista’ ssir faċilment mid-dar, bħal scrubs li aħna nistgħu nużaw “anke meta nibdew nikbru għaliex għandna bżonn ngħinu ċ-ċelloli jinbidlu billi nfittxu ingredejtni bħall-aċtu tal-frott jew AHAs li se jgħinu.”
Farrugia temmet b’appell għalina kollha biex nieħdu ħsieb il-ġilda tagħna, li hi ddeskriviet bħala ‘il-libsa li nilbsu ta’ kuljum’.
“Aħna l-ilbies tagħna, jekk aħna għandna xi ħaġa prezzjuża se nikkurawha bl-aħjar mod possibbli, u l-ġilda daqstant. Ikkurawha l-ġilda, għax qiegħda hemm għalikom.”