Fl-aħħar xhur ġew frankati tliet mitt elf metru kubu ta’ ilma minn djar privati grazzi għal informazzjoni li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tgħaddi lir-residenti dwar kemm qed jużaw ilma fid-dar.
Dan qalitu l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli meta fil-Parlament, it-Tnejn filgħodu wieġbet dwar miżuri u kampanji li hemm għaddejja bħalissa biex jippromwovu użu sostenibbli u effiċjenti tal-ilma.
Il-Ministru Dalli spjegat kif fost l-oħrajn, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tibgħat messaġġi lis-sidien tad-djar dwar kemm qed jaħlu ilma ta’ kuljum. Xi ħaġa li evidentament ħalliet ir-riżultati mixtieqa.
Hija qalet, “Dawn l-intelligence alerts huma biss eżempju żgħir tax-xogħol li qed nagħmlu. S’issa intbagħtu mal-20,000 messaġġ lill-klijenti li waslu biex ġew franktati 300,000 metru kubu ta’ ilma minn dawn ir-residenzi.”
Il-Ministru Dalli fakkret ukoll fil-kampanja l-Ilma: Ibda Minnek, li qed tagħti apparat domestiku li jaħli ferm anqas ilma lir-residenti.
Hija sostniet: “Qed iddur il-lokalitajiet kollha madwar Malta. Għadna ma bdejniex induru l-lokalitajiet ta’ Għawdex imma hu fil-pjan tagħna li nduru wkoll il-Gżira Għawdxija.”