Ċertament il-qofol tal-Milied hija l-ġrajja li nfakkru t-twelid ta’ sidna Ġesu Kristu fl-aktar mod sempliċi ġewwa għar f’Betlehem.
Fost it-tradizzjonijiet li nassoċċjaw ma’ dawn il-festi hemm il-presepju, il-prietka tat-tifel, tradizzjoni li twieldet f’pajjiżna u l-purċissjoni b’Ġesu Bambin li kien bdieha San Ġorġ Preca fil-Ħamrun u li nfirxet saħansitra anke fl-Awstralja u s-Sudan.
Brian Bonnici li huwa magħruf li jippromovi l-kultura Maltija fuq it-televiżjoni Maltija spjega kif il-Milied, bħal ħafna festi oħra jimxu mal-ġenerazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja.
Huwa spjega: “Maltin fil-faqar tagħhom ukoll għarfu jużaw dak li ma jkunux kkunsmaw u allura jekk kien jifdlilhom il-ħobż li l-ħobż kien l-aktar ħaġa komuni u anke biex jixtruha ma kinitx daqshekk tqila u kellek ħafna li kienu jagħmlu l-ħobż tagħhom ġod-dar tagħhom stess. Allura milli kien jifdal ħolqu l-pudina.”
Minn ġenerazzjoni għall-oħra wħud mit-tradizzjonijiet illi nqatgħu huma l-logħob tal-antik għat-tfal biex jibqgħu mqajmin qabel imorru l-quddies ta’ nofsilejl u t-tradizzjoni tal-GAWGAW li ma għadhiex teżisti.
Bonnici fisser: “Dan il-GAWGAW kien persuna fortunata jew sfortunata kieku nħarsu lejha llum ngħidu kemm hu fortunat dan, twieled fil-Milied jaqla’ żewġ rigali. Dak iż-żmien ma kienx hekk, dak iż-żmien kważi kienu jaħsbu li hija saħta li titwieled fil-lejl tal-Milied għax qisek qed tieħu l-post ta’ Ġesu Bambin u allura bħala kastig bħalikieku Alla jikkastiga b’dan il-mod dan kien jinbidel f’mostru.”
Jekk inħarsu lejn il-presepju tradizzjonali Malti, Bonnici qal li kważi tlifnieh għaliex fejn qabel missirjietna kienu jagħmlu presepju bil-gagazza, li huwa fdal tal-faħam maħruq, illum il-ġurnata, il-presepju evolva u ħa diversi stili għaliex sirna iktar artistiċi fil-ħadma tiegħu.
Bonnici tenna kif il-festa tal-Milied hija ċelebrazzjoni li ssir mill-poplu u għal poplu u jiġi minna stess li nżommu ħajjin it-tradizzjonijiet tal-Milied.
Huwa tenna: “Hemm ħafna affarijiet oħra li rrid nrawmu u nippreservaw u dan huwa piż kbir fuq is-soċjetà tal-lum biex jekk aħna lil ta’ warajna mhux ħa ngħaddulhom dak li writna allura ħa jkun hemm gap. Wieħed irid għalkemm jaddatta ma jwarrabx dak illi wiret mingħand missirijietu.”