F’dawn iż-żminijiet ta’ festi, waqt li bosta jkunu qed jaħsbu dwar ir-rigali li se jagħtu lill-għeżież tagħhom, il-qraba ta’ Drew Abela, li miet kawża ta’ kumplikazzjoni medika, qed jaħdmu qatigħ favur kampanja tad-donazzjoni tal-organi.
Sentejn ilu, Drew kellu emoroloġija interna u ġie ddikjarat mejjet madankollu minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li kienu fiha, l-ġenituri tiegħu għażlu li jagħtu l-organi ta’ binhom.
Fl-isfond ta’ pittura u diversi memorji tal-għażiż binhom omm u missier Drew spjegaw kif din kienet waħda mill-aktar deċiżjonijiet diffiċli li qatt ħadu:
“Kienet l-aktar firma diffiċli f’ħajti, però fl-istess ħin kienet l-isbaħ firma ta’ ħajti wkoll. Bl-istess altruwiżmu u taf li qed tgħin lil ħaddieħor jikseb ħajja ġdida”.
Sharon spjegat kif id-deċiżjoni tagħhom ġiet xprunata mill-ambjent li trabbew fih.
Hija kompliet tgħid li minkejja li sabu għajnuna kbira mingħand il-professjonisti ħassew il-ħtieġa li huma wkoll jibdew jagħtu kontribut tagħhom fit-Transplant Support Group.
Kenneth, missier Drew sostna li jekk bil-kontribut tagħhom tiġi mgħejjuna persuna waħda jkun biżżejjed u appella għal aktar għarfien dwar id-donazzjoni tal-organi.
Bħalissa l-MCAST flimkien mas-support group se jniedu kampanja b’rabta mad-donazzjoni tal-organi. Dawn il-filmati se jitqassmu mal-istazzjonijiet kollha bil-għan li juru perspettivi differenti b’rabta mas-suġġett.
Omm Drew temmet b’appell pożittiv li ħareġ minn sitwazzjoni tant traġika. Hija qalet li hija deċiżjoni diffiċli, iżda, qalet li “fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama”.