Kienet esperjenza li ma tintesiex u, f’isem Malta, awgurajt lill-Gvern il-ġdid Amerikan.
Dawn kienu l-kliem tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr Ian Borg, ftit sigħat biss wara li attenda għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ Donald Trump, li t-Tnejn sar is-47 President tal-Istati Uniti.
“Il-fatt li stajt, anke f’isem Malta, nifraħ lill-President u l-Viċi President, imma anke s-Segretarju tal-Istat Mark Rubio, kif ukoll għamilt ma’ protagonisti oħrajn. Allura, isem Malta seta’ wkoll ikun qiegħed jaqsam u jifraħ ma’ dawk eletti, waqt li aħna rringrazzjajna lill-amministrazzjoni Biden għall-ħidma eċċellenti li kellna magħhom u din għandha tkompli fil-leġiżlatura l-ġdida.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar din l-esperjenza, f’kummenti esklussivi li għadda lil ONE News.
“Kienet esperjenza indimentikabbli, li żġur mhux se ninsa. Anke għax li tkun wieħed minn erba’ Ministri tal-Affarijiet Barranin mistieden għal okkażjoni bħal din, mhux se tiġri kuljum.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dr Borg qal li s-soltu fl-inawgurazzjonijiet ta’ Presidenti Amerikani ma jkunx hemm preżenti mexxejja barranin, bl-eċċezzjoni tkun din id-darba mill-President Trump.
Id-Deputat Prim Ministru Malti tkellem ukoll dwar l-atmosfera li kien hemm waqt l-inawgurazzjoni.
“L-atmosfera kienet waħda partikolari, għax inti għandek il-ġurament, imbagħad, id-diskors li kien mistenni jkun li jagħti botti u daqqiet politiċi quddiem nofs Rotunda li kienet Demokratika.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dan hekk kif preżenti kien hemm l-eks Presidenti Amerikani Joe Biden, Barack Obama u Bill Clinton. Magħhom kien hemm ukoll l-eks Viċi President Amerikana, Kamala Harris, li kkontestat l-aħħar elezzjoni f’isem id-Demokratiċi kontra l-istess Trump f’Novembru li għadda.